Coronavirus: La Tibżgħux
Nifhem li tkun inkwetat. Anke jien ninkwieta. It-theddida tal-COVID-19 hi reali u serja. Kif se nwieġbu għaliha bħala Insara?
L-Appostlu Pawlu, f’Filippin 4:4-9, jagħtina tlett kelmiet:
1. Itlobu
L-antidote għall-ansjetà huwa t-talb. Meta t-tifel kien iqum imbeżża’, kien isejjaħli. Kont immur ħdejh, u ftit wara jerġa’ jorqod trankwill. Aħna għandna Missier omnipotenti li jieħu ħsiebna. Jonqos minna li nduru lejh, u nitfgħu fuq ‘l hemm kollu tagħna. Alla jwegħdna li jagħtina s-sliem tiegħu.
2. Aħsbu
Noqgħodu attenti għall-ħsibijietna. Faċli li moħħna jimtela’ b’tant ħsibijiet anzjużi mill-overdose ta’ informazzjoni (sikwit żbaljata jew esaġerata) mill-media. Ejja nnaqqsu facebook u t-TV, u nqattgħu aktar ħin fil-qari tal-Iskrittura. Kelmet Alla hi dawl għal riġlejna f’dawn iż-żminijiet ukoll. Jekk xejn l-Iskrittura tfakkarna li Alla l-Missier jieħu ħsieb imqar l-għasafar tal-ajru, kemm aktar jieħu ħsieb tagħna, uliedu!
3. Agħmlu
Inkunu prattiċi. Meta fuq il-bastiment kulħadd kien qed jippanikja, l-appostlu Pawlu beda jqawwi qalb il-passiġġieri u jara li jieklu biċċa ħobż. Kun dixxiplinat kif tqassam il-jum (speċjalment jekk kellek tbiddel ir-rutina).Uża l-ħin f’attivitajiet utli. Kun ħelu u paċenzjuż mal-membri l-oħra tal-familja. Jekk hemm xi ħadd fil-bżonn, għinu (eż. xi anzjana li għandha bżonn min jixtrilha l-ħalib u l-ħobż, jew ċempel qraba u ħbieb sabiex titkellem ftit magħhom).
Kollox ma kollox, jekk nitolbu, naħsbu sew u nkunu prattiċi, nesperjenzaw l-preżenza t’Alla magħna. Kollox jaħdem għal ġid ta’ dawk li jħobbuh. Anke l-coronavirus! “U Alla ta’ sliem ikun magħkom.”
Nistiednek tisma' dan il-messaġġ dwar l-ansjetà fuq YouTube - link.