Fejn se nsib qassis?


Kif nista’ nikseb il-maħfra tad-dnubiet ladarba ma nistax noħroġ mid-dar biex immur inqerr? Din kienet il-mistoqsija li wieġeb Papa Franġisku f’omelija li għamel ftit tal-jiem ilu.

Hu qal, kif tgħallem il-Knisja Kattolika, li jekk ma tistax issib qassis, tista' tistqarr dnubietek direttament 'l Alla, u titolbu jaħfirlek. Alla jaħfer lil dawk li jitolbuh. Kemm ilni Kristjan evanġeliku, għal dawn l-aħħar erbgħin sena, dejjem hekk għamilt. Kuljum. Alla omnixjenti, omnipreżenti, twajjeb u ħanin, jisma’ u jilqa' 'l uliedu meta jduru b'indiema lejh. Wara kollox, l-Imgħallem qalilna nitolbu lil Missierna fis-smewwiet biex jaħfrilna dnubietna.

Il-Papa jgħid ukoll li għandek twiegħed 'l Alla li meta tkun tista' tmur tqerr għand qassis. L-Iskrittura tenfasizza l-ħtieġa ta' qassis, biex iservi ta’ medjatur bejn l-midneb u bejn Alla, sabiex ipatti għal dnubietna u jħabbibna miegħu.

L-Iskrittura tgħid ukoll li dan il-qassis, provdut minn Alla stess, huwa Ibnu Ġesù, li bl-inkarnazzjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, sar il-qassis għal dejjem għall-poplu t’Alla. Din il-verità grandjuża hi mfissra fit-tul fl-Epistola lill-Ebrej, fejn l-awtur juri kif is-saċerdoti tat-Testment il-Qadim twarrbu biex jagħmlu wisa’ għal Ġesù Kristu, “il-Qassis il-Kbir tal-istqarrija tal-fidi tagħna” (Lhud 3:1).

Ara kemm tirraġuna sabiħ l-Iskrittura: “Kien jaqblilna jkollna qassis kbir bħal dan, li hu qaddis, bla ħtija, bla għajb, mifrud mill-midinbin, u mgħolli aktar ‘il fuq mis-smewwiet, li m’għandux bżonn ta’ kuljum, bħal dawk il-qassisin il-kbar, joffri sagrifiċċju, l-ewwel għal dnubietu, u mbagħad għal dawk tal-poplu; għax dan għamlu darba, meta offra lilu nnifsu” (Lhud 7:26,27). Il-qassisin Levitiċi kienu midinba; kienu joffru id-demm tal-annimali, u kienu jidħlu biss f’tempju magħmul bl-idejn. Ġesù hu wisq aħjar minnhom. Hu qaddis u bla dnub; offra demmu stess bi tpattija għal dnubietna, darba għal dejjem, u daħal fil-Ġenna fil-preżenza tal-Missier, fejn qiegħed jidħol għal dawk li jemmnu fih.

Għalhekk jekk għandna lil Ġesù bħala saċerdot tagħna, m'għandna bżonn ebda saċerdot ieħor. Għax hu “jista’ wkoll isalva għalkollox lil dawk li bih jiġu għand Alla, billi hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom” (Lhud 7:24). Għalhekk l-appell tiegħi hu dan - ejja nirritornaw lejn it-tagħlim tal-Iskrittura. Ejja nindmu u nersqu lejn Alla, nistqarru dnubietna u nitolbuh ħniena. Ejja fuq kollox nerqsu lejh permezz tas-saċerdot maħtur minnu, permezz tal-fidi f'Ġesù Kristu, is-saċerdot li tassew isalvana għalkollox.

Fejn se nsib qassis? Fuq il-leminija t'Alla. Jismu Ġesù. Tagħarfu mill-marki tal-imsiemer f'idejh. Afda fih!

Popular posts from this blog

Mewta tajba

Grazzi!

L-Indulġenzi