It-tbatijiet ta’ Ġesù mill-perspettiva medika
It-tbatijiet ta’ Ġesù nistgħu naqsmuhom f’żewġ kategoriji: it-tbatijiet fiżiċi u dawk psikoloġiċi.
Nibdew mis-sofferenzi psikoloġiċi. Aħseb ftit kif tħossok jekk ħabib tal-qalb jittradik; jew kif tħossok jekk tkun mgħajjar u redikolat; jew anke, meta tkun għamilt biss it-tajjeb, inti tkun inġustament ikkundannat bla ħtija. Dawn kollha, u aktar, Ġesù ġarrabhom f’jum wieħed.
Imma naħseb li n-niket l-aktar profond ġarrbu meta fuq is-salib Ġesù ħassu abbandunat, mhux minn nies tad-dinja, imma minn Missieru. Min jista’ jifhem it-tbatija ta’ ruħu meta għajjat, ‘Alla tiegħi għaliex tlaqtni?’
Ejja nitkellmu wkoll fuq it-tbatija fiżika. Meta Pilatu ikkundannah għall-mewt, is-suldati Rumani neżżawh, rabtuh u flaġellawh. Is-swat bla ħniena ġabulu daharu ġerħa waħda mdemmija.
Nofsu mejjet mill-fraġellazzjoni, wassluh sal-Golgota biex issallbuh. Is-salib kien l-istrument orribbili ta’ eżekuzzjoni, iddisinjat mhux biex joqtol malajr, imma biex kemm jista’ jkun ittawwal is-sofferenza. Immaġina l-uġigħ f’idejh u riġlejh meta sammruh. Imbagħad dendluh mal-għuda ħarxa u l-piż ta’ ġismu iddendel fuq dirgħajh. L-uġigħ fil-muskoli u l-ġogi kienet tortura indeskrivibbli anke għal ftit minuti, aħseb u ara għal tlett sigħat ta’ aġunija, sakemm miet.
X’kienet il-kawża medika tal-mewt? Ma nafx. Hemm diversi opinjonijiet fost it-tobba – soffokazzjoni, cardiac arrhythmia, pulmonary embolism, hypovolaemic shock u oħrajn.
Kienet x’kienet il-kawża patoloġika, Ġesù miet tassew. Is-suldati Rumani kienu jafuh xogħolhom. Raw li kien mejjet. Madankollu wieħed minnhom nifdu b’lanza. Ġwanni, li kien qed josserva kollox, jgħid li ħareġ demm u ilma: demm għax il-lanza laqtet il-qalb jew xi vina ewlenija, u ilma, probabilment minn pulmonary jew pericardial effusion, ilma li jinġabar fil-pulmun jew madwar il-qalb minħabba t-trawma li għadda minnha.
L-aktar ħaġa affaxxinanti hi din: Ġesù bata u miet volontajament! Hu ħaddan is-salib għax kien permezz tal-mewt li Ġesù wettaq l-għan tal-missjoni tiegħu. Ghalhekk ġejt, qal hu, għal din is-siegħa; ġejt biex nagħti ħajti b’fidwa għal ħafna. Miet bi tpattija għal dnubietna; miet biex jagħtina l-ħajja.
Ir-rispons tiegħi, bħal ta’ miljuni oħrajn, hu l-ewwelnett, fiduċja sħiħa fih; it-tieni, gratitudni – ma nixba’ qatt nirringrazzjah; u t-tielet, adorazzjoni, għax għaraft li r-raġel imsallab hu l-Iben t’Alla, il-Ħallieq tiegħi, u li bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù sar is-Salvatur tiegħi.