X'Nitgħallmu mill-Pandemija COVID-19



Qed ngħixu fi żminijiet diffiċli u tal-biża'. Din hi wkoll opportunità tad-deheb biex naħsbu bis-serjetà fuq dak li hu tassew importanti f'ħajjitna. Nixtieq niffoka fuq tlett aspetti ...

1. Id-Dgħufija Tagħna u l-Qawwa t'Alla

Il-pandemija tikxef id-dgħufija tagħna. Fiż-żminijiet normali inħossuna b’saħħitna, fil-kontroll, nifilħu għal kollox, bi prospetti sbieħ għall-futur. Imbagħad ġie fuqna dan il-virus. Il-bużżieqa tal-kburija tagħna infaqgħet. F’daqqa waħda, inħkimna mill-biża’, inħossuna vulnerabbli u nċerti dwar il-futur. Għax fil-verità, aħna żgħar u dgħajjfin.

Ejja, mela, ndawwru ħarsitna lejn Alla, is-Sid tas-sema u l-art, li bil-qawwa tiegħu jiggverna fuq il-ħolqien. Hu għandu setgħa fuq kollox, fuq is-saħħa u mard, fuq il-ħajja u l-mewt. Ħajjitna f’idejh. “Umiljaw ruħkom mela taħt l-id setgħana t’Alla, biex igħollikom f’waqtu. Itfgħu fuqu l-hemm tagħkom kollu; għax hu jieħu ħsiebkom” (1 Pietru 5:6-7). Meta nafdaw ruħna f’idejh omnipotenti, l-ansjetà tgħib u qalbna tikkalma.

2. Il-Prioritajiet Tagħna

Ġiet fuqna l-imxija tal-coronavirus u f’daqqa waħda nirrealiżżaw li dawk il-ħwejjeġ li konna nqisuhom ta’ valur kbir, issa donnhom tilfu ħafna mill-importanza tagħhom. Għas-sopravivenza tagħna, għalaqna l-iskejjel, ir-ristoranti, iċ-ċinema u l-grawnd, u issakkarna d-dar. Saħħitna hi importanti aktar mid-divertiment, l-edukazzjoni u saħansitra mill-libertà li noħorġu u mmorru fejn irridu. Għax, kif jingħad, ‘is-saħħa kollox’.

Imma dan huwa żball kbir! Le, is-saħħa mhix kollox, għax is-saħħa wkoll, xi darba jew oħra, iċċedi. L-imħabba hi kollox ... l-imħabba lejn xulxin, u fuq kollox, l-imħabba t’Alla. F’dawn iż-żminijiet ħafna jitolbu 'l Alla jħarishom jew ifejjaqhom. Imma dak biss kull ma jridu mingħandu. Lil Alla jqisuh qisu l-pustier. Jistennewh għax iġibilhom il-pakkett imma m’għandhom ebda interess personali fih.

Ħabib, inti x’tixtieq: l-għotjiet t’Alla, jew qalbek tixxennaq għalih u l-imħabba tiegħu? Jalla ssib is-serħan ta’ ruħek f’Alla, u b’sinċerità tgħidlu, “Min għandi fis-sema ħliefek? U mhemm ħadd fl-art li nixtiequ ħliefek” (Salm 73:25).

3. Il-Mortalità Tagħna

Nafu li kulħadd xi darba jew oħra se jmut, imma issoltu arana għaddejjin bħallikieku se nibqgħu hawn għal dejjem. Issa iltqajna wiċċ imb’ wiċċ mal-mewt, u nħsadna. Il-kastelli tar-ramel li bnejna fuq xatt l-eternità, malajr jinġarru mill-mewġ tal-baħar. Qed noqorbu lejn it-tmiem. Ma nafux meta, imma xi darba jew oħra, bil-coronavirus jew b'xi marda oħra, se jkollna nħallu kollox warajna, ġidna u l-maħbubin tagħna, sabiex nidhru quddiem Alla għall-ġudizzju. Għalhekk il-mewt tbeżżgħana.

Wieħed biss jista’ jeħlisna mill-biża’ tal-mewt: Ġesù, Bin Alla. Għalhekk ġie fid-dinja. Ġie biex imut bi tpattija għad-dnub, sabiex jeħles lill-poplu tiegħu minn dnubiethom. Tassew, miet u kien midfun, imma fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù qam rebbieħ. “Jien hu l-qawmien u l-ħajja,” qal Ġesù, “min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” (Ġwanni 11:25). Din hi t-tama li l-Mulej iwiegħed lil dawk li jafdaw fih.

Ħabib, qed tafda s-salvazzjoni ta’ ruħek f’idejh? Jekk iva, l-agħar li jista’ jiġrilek fid-dinja, il-mewt, hi wkoll l-aħjar ħaġa, għax twasslek għall-ħajja eterna fi ħdan il-Mulej.

Popular posts from this blog

Mewta tajba

Grazzi!

It-Titli tal-Papa