4. Alla Tiegħi, Alla Tiegħi, Għaliex Tlaqtni?

Is-Seba' Kelmiet minn fuq is-Salib: Ir-Raba' Kelma
Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: ‘Eloî, Eloî, lema sabaqtani!’ li jfisser: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ (Mark 15:33-34).
Ħafna sekli qabel, is-salmista kiteb, ‘Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi’ (Salmi 37:25). Imma fuq is-salib il-Ġust kien minsi minn Alla – hu li m’għamel qatt l-iċken dnub, li dejjem wettaq ir-rieda t’Alla, u li fih il-Missier isib l-għaxqa tiegħu. Għajta aktar misterjuża u tal-biża’ qajla qatt ħarġet minn fomm ta’ bniedem. ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex ħallejtni?’ F’dik is-siegħa mudlama il-Missier telaq lil Ibnu. Għaliex? Kif jista’ Alla l-Missier jagħti dahru lejn Ibnu l-Maħbub? Kien ħaqqna aħna nieħdu l-kastig għal dnubietna u nitwarrbu mill-preżenza t’Alla fid-dlamijiet ta’ dejjem. Imma Kristu ħa fuqu d-dnubiet tal-poplu tiegħu u sofra minflokna l-kastig li kien jixraq lilna. Alla telqu biex lilna li nafdaw f’Ibnu ma jwarrabniex fl-Infern. Fi kliem il-profeta, ‘Hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna’ (Isaija 53:5).
Alla qaddis, għallimni nkejjel bir-riga tas-salib il-kruha tad-dnub u l-kobor ta’ mħabbtek. F’dik is-siegħa mudlama, Missier, inti tlaqt lil Ibnek il-Maħbub. Tlaqtu għax tfajt fuqu l-ħażen tagħna, u l-ġustizzja tiegħek tiddomanda il-kastig għad-dnub. Tlaqtu biex lilna li nafdaw fih, minflok titlaqna fid-dlam tal-infern, tilqana fi ħdanek għal dejjem.