2. Illum tkun il-Ġenna Miegħi

Is-Seba' Kelmiet minn fuq is-Salib: It-Tieni Kelma
Mbagħad (wieħed mill-ħatjin) qal: ‘Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.’ U Ġesù wieġbu: ‘Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi’ (Luqa 23:42-43).
Għall-bidu ż-żewġ ħallelin mislubin ħdejn Ġesù kienu qed jinsultawh. Għadda l-ħin u l-qalb ta’ wieħed minnhom inbidlet. Ċanfar lil sieħbu, ammetta li hu kien ħati u jistħoqqlu l-kastig, u stqarr li Ġesù ma kien għamel xejn ħażin. Sema’ l-Lhud jgħidu biż-żufjett li hu l-Iben t’Alla, u forsi qara l-iskrizzjoni fuq rasu, ‘Sultan tal-Lhud,’ u emmen! Emmen li lanqas il-mewt ma kellha setgħa fuqu u li Ġesù għad isaltan. Talbu jiftakar fih meta jiġi fis-saltna tiegħu! Ġesù wieġbu b’wegħda li dakinhar stess ikun il-Ġenna miegħu. Minkejja d-dnubiet kotrana tiegħu, minkejja n-nuqqas ta’ mertu, dak ir-raġel illum qed igawdi lil Ġesù fis-sema. Dan huwa l-mezz, l-unika mezz, biex insalvaw. Aħna wkoll jeħtieġ nagħrfu dnubietna u nindmu minnhom; jeħtieġ nafdaw ruħna fil-ħniena tas-Sultan Ġesù. Il-wegħda tiegħu tgħodd għalina wkoll.
Mulej Ġesù, fil-tjieba tiegħek inti ssalva l-bniedem li jdur lejk imqar fl-aħħar siegħa ta’ ħajtu. Mulej, ftakar fija wkoll. Sakemm nibqa’ fuq l-art irrid ngħix f’ubbidjenza lejk, bi gratitudni għall-ħniena tiegħek lejja. Jien nemmen il-wegħda tiegħek u konvint li dakinhar li nħalli din id-dinja inti tilqagħni miegħek fil-glorja. Ammen.