1. Missier Aħfrilhom

Is-Seba' Kelmiet minn fuq is-Salib: L-Ewwel Kelma
U meta waslu fil-post, li jgħidlu l-Kalvarju, hemm sallbu lilu u lill-ħatjin, wieħed fil-lemin u l-ieħor fix-xellug. Imbagħad qal Ġesù: ‘Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu’ (Luqa 23:33-34).
Ma kiser ebda liġi. Ma kien għamlilhom ebda ħsara. Għamlilhom biss il-ġid. Xandrilhom l-evanġelju. Fejjaq il-morda tagħhom. Għallimhom jħobbu lil xulxin u ħabbhom b’ħiltu kollha. Madankollu huma bagħduh, qabduh, akkużawh, sawtuh, beżqulu, sammruh ma’ salib u denluh bejn sema u art. ‘Imbagħad,’ ... x’ġara? X’naqraw fil-Vanġelu? Forsi qalb Ġesù mtliet bl-imrar u l-mibegħda għall-għedewwa tiegħu? Forsi talab lill-Missier biex jeqridhom? Fetaħ fommu, imma minflok kelma ta’ saħta, ħarġet kelma ta’ ħniena, ‘Missier aħfrilhom!’ Imbagħad, meta nkixfet il-kruha ta’ qalb il-bniedem, meta l-ħlejjaq refgħu idejhom fuq il-Mulej tal-glorja, ‘Imbagħad Ġesù qal, ‘Missier aħfrilhom!’’ Kemm hi kbira r-rebħa tal-imħabba fuq il-mibgħeda, u glorjuża l-vittorja tat-tjieba fuq il-ħażen! Tassew, l-ewwel kelma ta’ Kristu, ‘Missier aħfrilhom,’ turi l-iskop tas-salib, il-kisba tal-maħfra u l-fidwa għal ħafna.
Mulej Ġesù, meta l-għedewwa tiegħek qabduk, gidbu fuqek, ikkundannawk bla ħtija, iddieħku bik, u sammruk ma’ salib, inti tlabt għalihom lil Missierek biex jaħfrilhom! X’imħabba u kompassjoni! Agħtini, Ġesù, qalb bħal tiegħek biex imbierek lil min jisħitni, nagħmel il-ġid lil min jagħmilli l-ħsara, u nitlob għal min jabbuża minni. Ammen.