Il-wegħda tal-evanġelju



X’wegħdna Alla fl-Evanġelju?

Forsi li nkunu dejjem b’saħħitna? Li nsiru sinjuri? Garanzija ta’ prosperità?

Alla berikna matul ħajjitna bis-saħħa fiżika, għalkemm kellna sehem fit-tbatija u l-mard ukoll. Fil-futur il-problemi mhux se jonqsu għax ġisimna qed jixjieħ u jeqdiem.

Alla tana wkoll x'nieklu, x'nilbsu u saqaf fuq rasna, u ta' dan nirringrazzjawh bil-ferħ. Imma qalbna ma tintrabatx mal-għana li jgħaddi u jispiċċa fix-xejn.

Fl-evanġelju Alla wegħdna ħafna aħjar minn hekk!

Alla wegħdna li jagħtina lil Ibnu Ġesù! Din hi l-wegħda tal-Evanġelju! "Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù" (Atti 13:23).

L-aħwa, jekk għandna lil Ġesù ma jonqosna xejn – għax fih għandna l-maħfra ta' dnubietna u l-ħbiberija m’Alla. Kristu wkoll wegħdna li għad jerġa' jiġi u jeħodna miegħu biex ingawduh għal dejjem.

Sadanittant nidħqu u nibku, ngawdu u nbatu, niċċelebraw u nagħmlu l-viżtu, niżfnu u ninxteħtu f’qiegħ ta’ sodda, jew kif tgħid l-Iskrittura, "Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi" (1 Pietru:1:6).

Hu x’inhu, ħadd u xejn ma jisraqilna l-ferħ u l-paċi minn qalbna għax aħna diġà għandna 'l Kristu. Aktar minnu ma rridu xejn!