L-isbah għotja

Fost l-għotjiet sbieħ u kotrana li tana Alla, m’hemmx oħla mil-Għotja li ma titfissirx bil-kliem. Alla tana lil Ibnu! 

‘Tweldilna tifel, ngħatalna Iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem’ (Isaija 9:6).

L-ismijiet glorjużi tas-Salvatur tagħna juru l-ħidma tiegħu u jikkorrispondu għall-bżonnijiet ta’ ruħna.

Kunsillier tal-Għaġeb

Fih tgħammar il-milja kollha tal-għerf u t-tagħlim. Isibna fid-dlam tal-injoranza spiritwali u l-qerq tad-dnub, u permezz tal-evanġelju jurina l-verità u jgħarrafna ‘l Alla. 

Alla Setgħan

Ġesù għandu s-setgħa divina biex iwettaq il-missjoni ta’ salvataġġ li għalija ġie fid-dinja. Bil-qawwa tiegħu hu jxejjen l-avversarji kollha, jegħleb kull xkiel u jwassal il-poplu tiegħu għall-glorja. 

Missier għal Dejjem

Ġesù hu l-awtur tas-salvazzjoni eterna ta’ dawk kollha li jħobbuh. Bħalma missier jieħu ħsieb uliedu,  hekk ukoll Ġesù jħarishom u jiprovdihom, issa u għal dejjem.

Prinċep tas-Sliem

Sabna mifrudin minn Alla minħabba dnubietna u bil-kastig tal-infern imdendel fuq rasna. Ġesù ħa fuqu l-kastig li kien jistħoqq lilna meta ta ħajtu b’sagrifiċċju għal dnubietna. Is-salib tiegħu ħabbibna m’Alla.

Għalina twieled Ġesù; lilna ngħata Bin Alla. Ejja nilqgħuh. Ejja nemmnu fih b’qalbna kollha. Ejja nqimuh u nimxu warajh. Fih insibu l-għerf, il-qawwa, il-ħajja u s-sliem li ma jintemmu qatt.