L-Erbgħa fost il-ġimgħa



Ħabiba tiegħi bagħtitli dawn l-mistoqsijiet li Mark Laurence Zammit għamel lill-Arċisqof fil-programm l-Erbgħa fost il-Ġimgħa. Riedet tkun taf kif inwieġeb jien bħala Kristjan evanġeliku. 

M: Hemm min jgħid li l-pandemija ma teżistix, titlob u ma jiġrilek xejn, u biex idaħħlulek ċippa, u hemm min qed jgħid li l-pandemija hi kastig minn Alla. Int xi tgħid?

Huwa inkredibbli u inkwetanti li hawn ħafna nies li jaqgħu għall-ħrejjef maħsubin biss biex inisslu biża’.

Il-pandemija ġabitna wiċċ imb’wiċċ mat-tbatija, il-mard u l-mewt. Dawn huma sinjal li hemm xi ħaġa serjament ħażina fil-ħolqien t’Alla. Il-Bibbja tgħid li l-għerq ta’ din il-miżerja huwa d-dnub tagħna l-bnedmin. Inkunu għaqlin jekk numiljaw ruħna quddiem Alla u nammettu li aħna wkoll dnibna kontrih. Fl-istess waqt irridu nemmnu li Alla huwa ħanin u jilqa’ lil dawk kollha li jersqu lejh b’indiema ġenwina u jitolbuh maħfra. Din hi talba li Alla wegħdna li jweġibha fiż-żgur.

M: Għalfejn it-tbatija? Mhux kollha ġibniha b'idejna!

Fil-bidu Alla għamel ħolqien tajjeb; ħalaq il-bniedem fix-xbieha tiegħu biex igawdi xirka miegħu f’ambjent sabiħ u tajjeb. Imma l-bniedem irribella kontra Sidu. Id-dnub ġab miegħu kull forma ta’ għawġ, sofferenza u saħansitra l-mewt. Agħar minn dan kollu, il-Bibbja twissina li wara l-mewt se nidhru quddiem Alla għal ġudizzju, u dawk kollha li jmutu mgħobbija bil-ħtija ta’ dnubiethom jintilfu.

M: It-tbatija fiha sens?

It-tbatija tagħmel sens biss fis-salib ta’ Kristu. Għax permezz tat-tbatija u l-mewt tiegħu, Kristu kiseb il-fidwa ta’ ħafna. Kien bla dnub u ma kienx ħaqqu l-mewt. Imma Alla tefa’ fuqu l-ħażen tal-poplu tiegħu. Kristu bata u miet bi tpattija għal dnubiethom u b’hekk, permezz ta’ dik l-istess tbatija, kisbilhom il-ħelsien u l-ħajja eterna.

M: Seta' Ġesù ma aċċettax li jmut, jerġa' jibdielu?

Hu għażel volontarjament li jħaddan is-salib. Ġesù ġie fid-dinja proprju biex joffri ħajtu b’fidwa għal ħafna. Mingħajr is-saġrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib ħadd ma kien isalva.

M: Hemm nies l-Infern?

Ġesù għallimna li l-Infern jeżisti; li hu post ta’ tbatija, u li l-kotra jagħżlu t-triq li twassal għat-telfien. Din tkun l-aħħar kelma li jisimgħu minn fommu: “Morru minn fejni, ja misħutin, fin-nar ta’ dejjem, imħejji għax-Xitan u l-anġli tiegħu.”

M: Ġuda qiegħed l-Infern?

Minkejja l-privileġġi kollha li kellu (għix ma’ Ġesù għal tliet snin, rah jagħmel tant mirakli, u semgħu jxandar l-evanġelju), Ġuda għażel it-triq tat-telfien. Ġesù jsejjaħlu bin it-telfien. Inkunu boloħ jekk nirrepetu l-iżball fatali tiegħu.

M: Fil-Ġenna hemm annimali?

L-Iskrittura ma ssemmix li hemm annimali fil-Ġenna. Però l-Iskrittura tgħallem lilna l-bnedmin kif naslu hemmhekk. Minkejja dnubietna, u minkejja li ma jistħoqqilniex, aħna nistgħu ngawdu ‘l Alla għall-eternità fil-Ġenna permezz ta’ Kristu. Jekk bħall-ħalliel induru lejh u nitolbuh jiftakar fina, lilna wkoll il-Mulej jwegħedna li minn dakinhar li nitilqu mid-dinja nkunu miegħu fil-Ġenna.

M: Kif tista' taħfer?

Ladarba jien irċivejt il-maħfra mingħand Alla ta’ muntajna dnubiet, m’għandux ikun diffiċli għalija naħfer lill-għajri l-ftit offiżi kontrija.

M: Se nbiddlu l-Missierna?

Ħadd m’għandu dritt ibiddel il-kliem ta’ Ġesù fl-Iskrittura għax ma jdoqqx għal widnejna.

M: Jekk jakkużawk li int Nisrani, isibuk ħati?

Għall-grazzja t’Alla, iva, jien Kristjan, dixxiplu tal-Mulej Ġesù Kristu. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, it-tir ta’ ħajti huwa li nseġwi u nonora lil Dak li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.