Jien Inserraħkom


Meta mmur niġbor liż-żgħira mill-iskola, kif tarani wiċċha jixgħel u tiġi tiġri ħdejja. L-ewwel ħaġa li tagħmel tinża’ l-backpack minn fuq daharha u tagħtihuli biex inġorrulha jien.

Aħna wkoll qed inġorru fuqna tagħbija tqila ta’ ħtijiet li ttaqqalna fil-mixja ta' ħajjitna u fl-aħħar, jekk nibqgħu ma neħilsux minnha, tniżżilna f’qiegħ l-infern.

Nirringrazzjaw 'l Alla li pprovidielna mezz biex neħilsu minn dnubietna permezz ta’ Ibnu Ġesù. Il-profeta Isaija ħabbar minn qabel dak li kellu jagħmel Bin Alla sabiex jeħlisna minn dnubietna (Isaija 53:6, 11, 12).

1. “Il-Mulej tefa’ fuqu l-ħażen tagħna lkoll.” Ulied Alla jistqarru li Alla l-Missier tefa’ l-ħażen tagħhom fuq Kristu.

2. “Bl-għarfa tiegħu, il-qaddej tiegħi, il-ġust, jagħmel ġusti lil ħafna, għax hu jitgħabba bi ħżunithom.” Ġesù kiseb il-maħfra ta’ dawk kollha li jagħrfuh billi hu stess tgħabba bil-ħażen tagħhom. Ħelishom mid-dejn li kellhom billi ħallasulhom hu.

3. “Hu ta għall-mewt lilu nnifsu, u kien magħdud mal-ħatjin; u tgħabba bid-dnub ta’ ħafna.” Ġesù offra lilu nnifsu b’sagrifiċċju għad-dnub volontarjament, mqanqal biss mill-imħabba.

Ippermettili nagħmillek mistoqsija serja: Fejn qegħdin dnubietek bħalissa?

Tista’ tweġibni b’żewġ modi: “Fuqi,” jew “Fuq Kristu.”

Jekk għadek iġġorr fuq daharek it-toqol tal-ħtija, isma’ nitolbok is-sejħa ta’ Ġesù, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom.” Mur, tibżax, itolbu jħenn għalik, u Ġesù jeħilsek minn dnubietek kollha.

Jekk diġa’ temmen fi Kristu għas-salvazzjoni tiegħek, allura tinsa’ qatt li l-ħażen tiegħek m’għadhux aktar fuqek. Ġesù ħadulek u tgħabba bih hu. Ġawdi l-libertà li kisiblek u rringrazzjah għall-ħniena li wera miegħek.