Il-Karba tal-ħolqien

Uliedi bkew meta l-pet tagħhom, fenek tal-lindi, marad u miet. Ngħid is-sewwa jiena wkoll ħassejt għafsa ta’ qalb. Konna nħobbuh.

Ftaħt l-Iskrittura u erġajt qrajt x’tgħallem dwar it-tbatija. L-Appostlu Pawlu f’Rumani 8:16-22 issemmi tlett tbatijiet ...

1. Is-Sofferenzi ta’ Kristu

It-tbatijiet ta’ Kristu ma ġewx fuqu minħabba xi ħażen personali. Hu kien mingħajr dnub. Ġesù sofra għad-dnubiet ta’ ħaddieħor bħala rimedju għalihom. Il-mifdija jistqarru li ‘bil-ġrieħi tiegħu aħna fiqna’ (Isaija 53:5).

2. Is-Sofferenzi tal-Insara

L-Insara  huma suġġetti għat-tbatija bħall-bnedmin l-oħra - huma jkorru, jixjieħu, jimirdu u fl-aħħar imutu wkoll bħal kulħadd. Mhux biss. Huma jbatu ‘ma’ Kristu’ fl-ubbidjenza tagħhom lejn il-Missier. Għalkemm mhix pjaċevoli, it-tbatija sservi għan tajjeb. 'Swieli li jien kont imgħakkes biex nitgħallem l-istatuti tiegħek' (Salm 119:71). Finalment huma għad ikunu igglorifikati ma’ Kristu.

3. Is-Sofferenzi tal-Ħolqien

Fil-bidu l-ħolqien kien tajjeb imma issa l-ħolqien jokrob. Din il-miżerja hi konsegwenza tal-waqa’ tal-bniedem fid-dnub.  Is-sofferenzi tal-annimali hi sinjal ieħor tal-kruha tad-dnub.

Imma l-istorja ma tiqafx hawn. Alla għandu pjan sabiħ ta’ restawrazzjoni għall-ħolqien kollu. Il-karba tal-ħolqien, bħall-uġigħ tal-ħlas, tagħti tama ta’ ġejjien ferm isbaħ. Meta wlied Alla jidhru fil-glorja, fit-tieni miġja ta’ Kristu, il-ħolqien għad ikun meħlus mis-saħta. Alla għad joħloq smewwiet ġodda u art ġdida li fihom ma jkunx hemm aktar tbatija u mewt.

Talba

Smajtha, Mulej, il-karba,
Il-bikja tal-ħolqien!
Nitolbok, Ħallieq, erġa’
Oħloq mill-ġdid il-ġnien

Li fih m’hemmx aktar biki,
M’hemmx aktar dmugħ, uġigħ,
M’hemmx aktar mewt u għali
'Ma biss dak l’hu sabiħ.

Popular posts from this blog

Mewta tajba

L-aħħar 24 siegħa ta' ħajti

L-Indulġenzi