Ismu Ġesù



L-għażla tal-isem għat-tarbija hi deċiżjoni importanti li l-ġenituri jieħdu għal uliedhom. Min jagħżel isem għax jinstema’ sabiħ, jew għax għandu tifsira sinifikanti, jew għax oriġinali (anke jekk forsi jinstema’ stramb). Qabel kienu jsemmu t-tfal għan-nannu jew in-nanna, jew għal xi qaddis. Illum hu aktar popolari jsemmuhom għax xi footballer, kantant jew attur.

Ġużeppi u Marija m’għażluhx huma l-isem tat-tarbija. L-anġlu li deher lil Ġużeppi ordnalu x’kellu jsemmih: "Ġużeppi, bin David, tibżax tieħu ’l Marija b’martek, għax dak imnissel fiha hu mill-ispirtu s-Santu. U se tiled iben, u int se ssejjaħ ismu Ġesù, għax hu se jsalva ’ll-poplu tiegħu minn dnubiethom" (Mattew 1:20-21).

Għaliex kien mogħti dan l-isem? X’sinifikat għandu? L-anġlu nnifsu jispjegalna, "Għax hu se jsalva ’ll-poplu tiegħu." Isem Ġesù jurina żewġ veritajiet dwaru: jgħarrafna l-identità u l-missjoni tiegħu.

L-ewwelnett, l-identità. L-isem Ġesù jfisser 'is-Sid (Jahwe) isalva.' It-tarbija li wildet Marija huwa is-Sid, Jahwe, il-Mulej Alla! It-tarbija li twieldet fil-faqar ta’ maqjel huwa l-Etern, il-Ħallieq u s-Sid tas-sema u l-art. Infatti l-evanġelista Mattew immedjatament jispjega li l-iben li kellha tiled il-verġni huwa Emmanuel, li tfisser Alla magħna. Għalhekk aħna l-Insara nemmnu u nistqarru li Ġesù, bin Marija, huwa wkoll Bin Alla - veru Alla u veru bniedem.

It-tieni, ismu jfakkarna fil-missjoni tiegħu. Għalfejn ġie fid-dinja? Ġie biex isalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. Sar bniedem biex jifdi ’il bnedmin. Sar bniedem biex jagħti ħajtu fuq l-għuda b’fidwa għal ħafna. Hu li m’għamel ebda dnub tgħabba bi dnubiet tagħhom sabiex jeħlishom minnhom. Mhux ta’ b’xejn jismu Ġesù, is-Salvatur tad-dinja!

Kemm hu sabiħ l-isem ta’ Ġesù! Ejja qabel xejn insejħu ismu għas-salvazzjoni tagħna għax m’hemm ebda isem ieħor mogħti fostna li bih nistgħu neħilsu mit-toqol ta’ dnubietna. Ejja wkoll, ladarba nagħrfuh bħala s-Salvatur u l-Mulej Alla tagħna, ninżlu għarkopptejna quddiemu u nadurawh fil-ferħ.

Popular posts from this blog

Mewta tajba

L-aħħar 24 siegħa ta' ħajti

L-Indulġenzi