L-Għotja t'Alla



Kien lejlet il-Milied. Marti saqsiet lil Elizabeth, “X’tixtieq għall-Milied?” It-tifla wieġbet fil-pront, “Nixtieq noqgħod nilgħab mat-tfal morda u nagħti l-ikel lill-foqra.” Għalkemm kienet għada ċkejkna, Elizabeth bdiet tifhem it-tifsira vera ta’ din il-ġrajja.

Il-ġenerożità hi l-qofol tal-Milied għax ifakkarna fl-akbar għotja li qatt nistgħu nimmaġinaw. “Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu.” Alla ma kienx xħieħ magħna u lanqas tana miż-żejjed tiegħu. Alla tana l-egħżeż, lil Ibnu l-maħbub! Alla nefaq kull ma kellu għalina!

Għall-Iben ukoll din l-għotja kienet tfisser l-akbar sagrifiċċju. Kif twieled ommu medditu f’maxtura tal-injam, bħal donnu sinjal tat-tbatijiet u s-sofferenzi li kellu jgħaddi minnhom. Infatti ħajtu intemmet mdendel mal-għuda tas-salib … u dan għamlu bi skop. Hu ġie appuntu sabiex joffri ġismu u demmu bi tpattija għad-dnubiet tal-poplu tiegħu.

Mhux l-ewwel darba li naqilgħu rigali inutli, u bejnek u bejn ruħek tgħid, “Issa dan jien x’se nagħmel bih?!” Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-għotja t’Alla. Aktar milli utli, ir-rigal t’Alla huwa indespensabbli. Aħna lkoll neħtieġu lil Ġesù sabiex jeħlisna minn dnubietna u t-telfien ta’ dejjem. Neħtieġuh sabiex jagħtina l-ħajja eterna, u ngawdu l-ferħ u sliem m’Alla.

Ħabib, qatt ilqajtu dan ir-rigal? Mhux ngħidlek jekk intix bniedem tajjeb u denju tal-imħabba t’Alla. Ħadd minna ma jistħoqqlu xejn. Infatti lkoll kemm aħna ħatja quddiemu. Tibżax. Alla hu ġeneruż; Alla jaħfer lil dawk kollha li jilqgħu lil Ibnu bil-fidi. Emmen fih. Ilqa’ l-għotja t’Alla.

   “Għax Alla hekk ħabb id-dinja,
     illi ta l-uniku Iben tiegħu,
     sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx,
     iżda jkollu l-ħajja eterna.”
     (Ġwanni 3:16)

Popular posts from this blog

Mewta tajba

L-aħħar 24 siegħa ta' ħajti

L-Indulġenzi