Orbotni ma qalbek u ħudni fejn trid


Ġesù jsejjaħ lilna, id-dixxipli tiegħu, “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu u jerfa’ s-salib tiegħu u jsegwini” (Mattew 16:24). Hu stess, l-għalliem, huwa l-mudell għalina, l-istudenti tiegħu, sabiex nifhmu u nagħmlu dak li qed jgħallimna. Għax hu wkoll kellu l-għażla matul ħajtu jekk ipaxxix lilu nnifsu u jinjora r-rieda ta’ Missieru, jew mill-banda l-oħra, li jiċħad lilu nnifsu u jobdih.

Bniedem ieħor, l-ewwel Adam ukoll kellu l-istess għażla. Traġikament, Adam għażel lilu nnifsu qabel il-Ħallieq tiegħu; poġġa r-rieda tiegħu qabel ir-rieda t’Alla. Kien diżubbidjenti, u ġab miżerja fuqu u fuq l-umanità.

Imma l-aħħar Adam, qal: “Jien inżilt mis-sema mhux sabiex nagħmel ir-rieda tiegħi, iżda r-rieda ta’ min bagħatni.” Hekk għix sal-aħħar. Fil-Ġetsemani, anke jekk dak li xtaq kien leċitu, ma nsistiex fuqu, imma issottometta ruħu għar-rieda ta’ Missieru. “Mhux ir-rieda tiegħi, iżda tiegħek,” qallu. Ħa f’idejh il-kalċi, ħaddan is-salib, kien ubbidjenti, u b’hekk ġab għal niesu l-barka tas-sema u għalih glorja bla tmiem.

L-aħwa, aħna wkoll niffaċċjaw ta’ kuljum din l-għażla fundamentali – ninjora ’l Alla u nagħmel dak li rrid jien, jew nagħraf ir-rieda t’Alla u minn qalbi nissottometti r-rieda tiegħi għalih. F’kelma waħda, li nkun ubbidjenti għal Sidi. B’hekk biss inkun qed insegwi lill-Imgħallem tiegħi, Ġesù.

Meta wliedi kien għadhom ċkejkin konna għallimnihom talba ħelwa li tesprimi din l-attitudni qaddisa. L-istess talba nistgħu ngħiduha aħna wkoll ...

   Inħobbok Ġesù,
   Inħobbok irrid;
   Orbotni ma' qalbek
   U ħudni fejn trid!