Il-Prinċep tal-Paċi


Din il-ġimgħa rajna xeni ta’ qsim il-qalb. Rajna nisa u tfal iħallu djarhom, jinfirdu mill-għeżież tagħhom, u jaħarbu 'l barra minn pajjiżhom. Oħrajn f’xi kantina jew fl-underground, fil-ksieħ, jistkennu mill-qerda tal-bombi u missili miżrugħa mis-sema. Fuq barra, fit-toroq, tifrik u ħerba, u suldati jisparaw u joqtlu lil xulxin.

Mur sabbar lill-omm Russa meta jagħtuha l-aħbar li binha kien maqtul; u kif se tfarraġ lil mara żagħżugħa Ukrena għat-telfien ta’ żewġha u missier uliedha? Il-kapitlu tal-istorja umana li qed jinkiteb fi żmienna, bħal l-oħrajn ta’ qablu, hu mċappas bid-dmugħ u bid-demm.

Issib min jgħidlek, ‘Kif il-bniedem jibqa’ ma jitgħallimx? Għaliex, minkejja l-avvanzi kbar li għamel, il-bniedem ma tgħallimx jgħix fil-paċi?’

Il-problema tal-bniedem, aktarx minn nuqqas ta’ tagħlim, kienet u għada d-dnub. F’qiegħ qalbu l-bniedem hu ribelluż kontra l-Ħallieq tiegħu. U għalhekk, aktar minn għalliem, il-bniedem għandu bżonn Salvatur sabiex jirrikonċiljah m’Alla u jagħtih qalb ġdida tfawwar bl-imħabba.

Sakemm id-dinja tibqa’ tbarri lill-Prinċep tal-Paċi, il-bniedem ma jsib qatt is-sliem – la m’Alla, la m’għajru, u lanqas f’qalbu.

Ġesù Kristu huwa l-unika tama għad-dinja. Bil-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib, Kristu kiseb il-maħfra tad-dnubiet. Bil-qawmien tiegħu Kristu kiseb ir-rebħa fuq il-mewt. Bl-awtorità rjali tiegħu, il-Mulej Ġesù jagħti s-sliem lil dawk kollha li jafdaw fih. U fir-ritorn glorjuż tiegħu, Kristu għad iwaqqaf saltna eterna ta' ġustizzja u paċi.

Alla jistieden lilna lkoll - Maltin, Russi, Ukreni, hi x'inhi n-nazzjonalità tagħna - biex nilqgħu lil Ibnu Ġesù bħala s-Sid u s-Salvatur tagħna. Lil dawk kollha li jemmnu fih, Ġesù jagħtihom din il-wegħda ...

"Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’" (Ġwanni 14:27).