Il-Ġimgħa l-Kbira

Il-Ġimgħa l-Kbira. Kien bħal-lum li l-Mulej Ġesù ta ħajtu għall-fidwa ta’ ħafna. Għal din ir-raġuni ġie fid-dinja! L-Appostlu Pawlu jfakkar l-Insara li “fih għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu” (Efesin 1:7).

L-Insara huma mifdija - dan ifisser li dnubiethom huma maħfura. Huma meħlusin mill-ħtija, mill-ħakma u mill-kastig tad-dnub. Jgħixu liberi, mhux aktar imtaqqla bil-piż ta’ dnub fuq spallejhom.

Ninnotaw tlett veritajiet dwar il-fidwa:

L-ewwel: Fejn tinsab il-fidwa? Il-fidwa tinsab “fih” - fil-Maħbub t’Alla. Mhux fina nfusna. Mhux f’xi ħlejqa oħra. Imma fi Kristu. Hu biss il-Feddej. 

It-tieni: X’kien il-mezz li bih inkisbet il-fidwa? “Permezz ta’ demmu.” Kristu ta’ ħajtu b’sagrifiċċju ’l Alla bi tpattija għad-dnubiet tal-poplu tiegħu u b’hekk ħelishom minn ħtijiethom.

It-tielet: X’inhu s-sors tal-fidwa? Il-fidwa tiġi mill-qalb twajba u ġeneruża t’Alla, “skont l-għana tal-grazzja tiegħu.” Mhux b’mertu tagħna. Mhux bil-penitenzi tagħna. Mhux bl-opri tagħna. Imma bi grazzja, favur minn Alla lil dawk li ma jistħoqqilhomx.

Ħabib, fejn tinsab int m’Alla? Jekk għadek mtaqqal bi dnubietek, aħrab lejn Kristu u afda fih … id-demm li xerred fuq is-salib jilliberak minn kull ħtija.