Ħadd il-Għid

L-akkuza ewlenija kontra Ġesù kienet li hu Bin Alla. Sabuh ħati ta’ dawgħa. Waqt li kien fuq is-salib għajjruh. “Hu fada f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iridu: għax hu qal: Jien l-Iben t’Alla” (Mattew 27:43).

Dakinhar Il-Missier baqa’ sieket. Alla tkellem fit-tielet jum. “Ġesù Kristu Sidna, li ġej min-nisel ta’ David skont il-ġisem, u li skont l-Ispirtu tal-qdusija, kien iddikjarat Bin Alla bis-setgħa, bil-qawmien mill-imwiet” (Rumani 1:3-4).

Id-dixxipli emmnu x-xhieda tal-Missier. Tassew, Ġesù hu Bin Alla u għalhekk tawh qima. “In-nisa resqu u qabdulu riġlejh u qimuh ... Imbagħad il-ħdax-il dixxiplu marru fil-Galilija, fuq muntanja fejn Ġesù kien qalilhom u malli rawh, qimuh” (Mattew 27:9, 16-17).

Ġesù li miet, illum qed jgħix. F’idejh u riġlejh jidhru l-marki tal-imsiemer … ma ninsew qatt li Bin Alla sar bniedem bħalna sabiex ixxerred demmu bi tpattija għal dnubietna … qalbna tfur bi gratitudni għall-imħabba li wera magħna, u fis ninżlu għarrkopptejna quddiemu nadurawh waqt li nistqarru, “Sid tiegħi u Alla tiegħi!”