Sibt il-Għid


Meta s-Sibt filgħodu telgħet ix-xemx, qalb id-dixxipli baqgħet mudlama u kiesħa. L-eroj tagħhom kien mejjet. It-tama li jiksbilhom ħelsien indifnet miegħu. Issa kienu weħidhom. Staħbew u ssakkru ġewwa, beżgħana, konfużi u diżappuntati.

Huma kienu emmnu li Ġesù hu Bin Alla, imma Alla m’għamel xejn meta l-għedewwa tiegħu qabduh u sammruh ma’ għuda. “Hu fada f’Alla,” izzikawh il-mexxejja Lhud, “ħa jeħilsu issa, jekk iridu, għax hu qal, Jien l-Iben t’Alla” (Mattew 27:43). Imma Alla baqa’ passiv, ma ħelsux, ħallih imut fit-tbatija u l-għajb. Is-silenzju t’Alla, bħas-silenzju tal-qabar, kompla jżid id-disprament man-niket tagħhom.

Il-qabar huwa t-tmiem kiefer tal-ħolm kollu tagħna … jekk id-difna ta’ Ġesù hija l-aħħar att tad-dramm tal-vanġelu, u jekk Alla jibqa’ sieket.