Ħamis ix-Xirka

F’Ħamis ix-Xirka, Ġesù waqqaf l-Ikla sabiex nibqgħu niftakru fih, u b’mod partikolari f’dak li wettaq fuq is-salib. Imma, nistaqsu, x’inhu s-sinifikat ta' mewtu? X'niksbu aħna bil-mewt tiegħu?

Fit-Testment il-Qadim Alla ordna lil-Lhud joffru diversi sagrifiċċji tal-annimali. It-tnixxija tad-demm ta’ kuljum fuq l-artal fit-tempju ta’ Ġerusalemm kellha tgħallem lill-poplu t’Alla żewġ veritajiet kbar.

L-ewwel, Alla ried jurihom li l-ħlas tad-dnub hu l-mewt. Id-dnub, il-ksur tal-liġi t’Alla, iġib konsegwenzi koroh. Sa mill-bidu nett, Alla wissa ’l Adam u ’l Eva li d-diżubbidjenza twassal għall-mewt. Iva, ħalli ma ninsewx li aħna ħaqqna l-mewt bħala kastig għal dnubietna.

It-tieni, Alla ried jurihom ukoll kif setgħu jeħilsu mill-kastig. L-annimal kien jinqatel minflok il-midneb. Kiser il-liġi wieħed u xi ħadd ieħor ipatti għal ħtijietu. Simbolikament l-annimal jinqatel minfloku, u b’hekk il-midneb jinħeles mill-kastig u jgħix.

Din l-istampa hi ripetuta fl-ikla tal-Mulej. Il-ħobż ifakkarna li Bin Alla sar bniedem tad-demm u l-laħam; l-inbid ifakkarna li Kristu xerred demmu għall-knisja tiegħu. “Dan hu demmi tal-patt li hu msawwab għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet” (Mattew 26:28).

Demmu kien mxerred, jgħidilna Ġesù, bi skop, “għall-maħfra tad-dnubiet.” Il-maħfra tagħna li nemmnu fi Kristu hi msejsa fuq is-sagrifiċċju tiegħu. Fi kliem il-profeta, “il-kastig li bih għandna s-sliem kien fuqu,” jiġifieri fuq Kristu (Isaija 53:5).

Aħna l-midinbin kien ħaqqna l-mewt, imma hu, li qatt m'għamel ebda dnub, miet minflokna. Il-kastig li kien jixraq lilna ħadu hu. Għalhekk issa m'hemm ebda kastig għal dawk kollha li jafdaw fih. Dnubiethom m'għandhomx aktar fuqhom għax Ġesù ħadhom u sammarhom mas-salib.

Grazzi Sidi Ġesù li xirridt demmek għalija! Il-mewt tiegħek tagħtini l-ħelsien u l-ħajja!