Id-dehra fiżika ta' Ġesù


Ġesù, li minn dejjem kien ‘jeżisti fis-sura t’Alla,’ fil-milja taż-żmien ‘ħa s-sura ta’ lsir u sar fix-xebh tal-bnedmin.’ Kien fis-sura t’Alla għax hu tasssew Alla; sar fix-xebh tal-bnedmin għax sar ukoll tassew bniedem.

Forsi tiġina l-kurżita kif kien jidher Ġesù bħala bniedem fil-bixra ta’ wiċċu, il-kulur t’għajnejh u l-istatura tiegħu. Fl-Iskrittura m’għandhiex deskrizzjoni tad-dehra fiżika ta’ Ġesù għajr għal ħjiel fil-profeta Isaija. Ix-xbihat ta’ Ġesù huma frott l-immaġinazzjoni tal-artisti li għamluhom. Ngħidu aħna, ipinġuh b’xagħru twil avolju l-Iskrittura tgħid li huwa diżunur u għajb li raġel iżomm xagħru twil (ara 1 Korintin 11:14). Ix-xbihat ta’ Ġesù jagħtuna impressjoni giddieba tiegħu.

Mhux mill-arti nagħrfuh fis-sewwa imma mill-Kelma t’Alla. Dak li bħalissa neħtieġu nkunu nafu dwaru, l-Ispritu s-Santu rrivelahulna fl-Iskrittura Mqaddsa. Għadu mhux il-waqt li narawh wiċċ imb wiċċ. Aħna nimxu permezz tal-fidi, mhux bil-viżjoni; lil Ġesù nħobbuh għalkemm ma rajnihx; aħna nemmnu fih bla ma narawh issa. (Ara 2 Kor 5.7; 1 Pietru 1:8).

X’jgħid Isaija dwar id-dehra fiżika ta’ Ġesù? Il-profeta jgħid li ‘ma kellu l-ebda forma, jew ġmiel, biex inħarsu lejh, u lanqas bixra, biex ninġibdu lejh,’ u b’mod partikolari, waqt il-passjoni, ‘wiċċu kien hekk imħassar li ma kienx donnu ta’ raġel, u s-sura tiegħu ma kinitx donnha ta’ wlied il-bniedem’, tant li n-nies ndehxu minnu. (Isaija 53:2; 52:14).

Għaliex kien daqshekk sfigurat u tal-waħx? Għax il-Mulej Alla tafa fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Is-sbuħija tiegħu kien mħassra bi dnubieta!

Imma l-istorja ma tiqafx hemm. Wara li miet u kien midfun, Sidna Ġesù kien imqajjem mill-mewt, glorjuż, u eżaltat fl-ogħla smewwiet. Lilu nistennew ħerqana għax nixtiequ nkunu miegħu u nħarsu lejn is-sbuħija tiegħu; mhux biss, hu għad jittrasforma l-ġisem tal-umiljazzjoni tagħna u jagħmlu konformi mal-ġisem glorjuż tiegħu. Bħalma jgħid l-appostlu Ġwanni: ‘Maħbubin … Nafu illi meta jkun manifestat se nkunu nixbhuh, għax għad narawh bħalma hu’ (1 Ġwanni 3:2).