Ma ninsik qatt


Snin ilu kont tlajt Għawdex biex norqod id-dar m’ommi peress li missieri kien iddaħħal l-isptar. Minħabba x-xjuħija u l-mard, ommi kellha bżonn li xi ħadd ikun magħha. Ma kinitx għadha timxi jew tqum mis-sodda weħidha, u kellha bżonn l-għajnuna anke biex tiekol. Bilkemm kienet għadha titkellem u l-memorja tagħha kient marret lura.

L-għada filgħodu qomt kmieni biex niġi lura Malta għax-xogħol. Intbaħt li ommi kienet qegħdha tipprova tqum mis-sodda avolja ma setgħetx.

"Ma,” għidtilha, “għaliex ma tibqax ftit ieħor fis-sodda? Għadu lanqas sebaħ.”
Weġbitni b’vuċi kiebja imma b’determinazzjoni sħiħa, “Biex nagħmillek il-kafè.”

Qabżitli demgħa. Ommi nsiet id-diżabilità tagħha imma lili ma nsitnix. Ir-rieda li tibqa’ tieħu ħsiebi kienet għadha sħiħa bħal qabel.

Nirringrazzja 'l Alla għal ommi għax fiha nara riflessjoni tal-imħabba tiegħu għalina. Fl-Iskrittura Alla jqabbel il-fedeltà tiegħu mad-dedikazzjoni tal-omm lejn uliedha.

"Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha,
u ma tħennx għal bin ġufha?
Imqar jekk din tinsa,
jien ma ninsik qatt!"
(Isaija 49:15).

Tista’ omm tinsa 'l uliedha? Minħabba d-dgħufija umana, forsi iva, xi darba tista' tinsihom. Imma Alla ma jinsa qatt 'l uliedu. Iħobbhom b’imħabba eterna. Fl-inċertezzi u t-taqlib tal-ħajja, ejja nsibu r-refuġju u l-faraġ f’Alla l-Missier. Hu jwegħdna, "Jien ma ninsik qatt!"