Minn fomm it-tfal


Waqt il-laqgħa tat-talb fil-knisja, Zac, tfajjel ta' 4 snin, talab: 'Biex Ġesù jibqa’ ħaj, u biex is-suldati ma jaqbduhx.'

Tbissimna. X’kien għaddej minn moħħu? Għaliex kien qed jinkwieta li Ġesù seta’ jerġa’ jmut? Konna għadna kemm għaddejna l-festi tal-Għid; fil-Ġimgħa l-Kbira sema’ kif is-suldati arrestaw u sallbu lil Ġesù, imbagħad fl-Għid sema’ li Ġesù qam mill-mewt. Nimmaġina li ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Nispera li ma jerġax jiġrilu l-istess!’ Zac m’għamilx distinzzjoni bejn it-tifkira fil-festi ta’ dawn il-ġrajjiet u r-realtà tal-avvenimenti storiċi li seħħew elfejn sena ilu.

Imma Zac m’għandux għalfejn jinkwieta dwar Ġesù. Ankè meta kien fid-dinja u qabduh, kien Ġesù li reħa lilu nnifsu f’idejn il-ħżiena. 'Minħabba f’hekk il-Missier iħobbni, għax jien nagħti ħajti, sabiex nerġa’ neħodha. Ħadd ma ħadha mingħandi, iżda jien nagħtiha minni nnifsi' (Ġwanni 10:17-18).

Kien jeħtieġ li jmut. Għalhekk ġie fid-dinja. Ġie sabiex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna. Imma m’għandux bżonn imut diversi drabi. Darba biżżejjed. L-Appostlu Pawlu jgħid li aħna ‘nafu li Kristu wara li qam mill-imwiet ma jmut qatt iżjed; il-mewt ma ssaltanx iżjed fuqu, għax li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub: imma li ħaj, ħaj għal Alla’ (Rumani 6:9-10). L-Iskrittura tafferma li Ġesù 'offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem' - bih kiseb il-maħfra sħiħa għall-poplu tiegħu u għalhekk, 'm’hemmx iżjed offerta għad-dnubiet' (Lhud 10:12, 18). Miet darba, sagrifiċċju wieħed u tajjeb, u m’hemmx bżonn jiġi mġedded jew ripetut.

Sidna Ġesù jiddikjara r-rebħa eterna tiegħu fuq il-mewt. 'Tibżax,' qal lill-appostlu Ġwanni, 'Jien hu l-ewwel u l-aħħar, u l-ħaj; u kont mejjet, u ara, jien ħaj għal dejjem ta’ dejjem' (Rivelazzjoni 1:17-18). Zac jista’ jserraħ moħħu … u aħna wkoll. Ġesù hu ħaj għal dejjem, u b’ħiltu, aħna li nemmnu fih, ingawdu wkoll it-tama konfidenti tal-ħajja eterna.