l-Awtorità Rjali ta' Kristu

Fuq it-tebut tar-reġina Eliżabetta II poġġew tlett simboli tas-setgħa rjali – il-kuruna, ix-xettru u l-isfera.

  1. L-isfera - globu tad-deheb b’salib fuqu - jissimboliżża s-setgħa sovrana ta’ Kristu; l-awtorità tar-reġina kienet mogħtija lilha minn Kristu. Il-mexxejja tagħna messhom iżommu f’moħħhom li huma sudditi tar-Rè tar-rejiet sabiex imexxu b'ġustizzja u ħniena. Minn naħa tagħna, ma ninsewx li s-setgħat huma mwaqqfin minn Alla, u aħna għandna d-dmir li nkunu suġġetti għalihom u nonorawhom.
  2. Elizabetta II kellha l-itwal renju fl-istorja Brittanika. Il-kuruna, ix-xettra u l-isfera kienu mogħtija lilha fil-koronazzjoni, fl-1953. Imma wasal il-mument li dawn is-simboli kienu meħudin mingħandha – att li jissimboliżża tmiem ir-renju tagħha. Ta’ din id-dinja kollox jiġi fi tmiemu. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għar-renju ta’ Kristu. Is-saltna tiegħu hi eterna. Bħalma qal l-anġlu lil Marija, “Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ missieru David, u jsaltan għal dejjem fuq id-dar ta’ Ġakobb, u għal saltnatu ma jkunx hemm tmiem” (Luqa 1:32-33).
  3. Is-setgħa tar-reġina kienet l-aktar ċeremonjali u limitata għar-Renju Unit u l-kolonji. L-awtorità ta’ Kristu hi infinita u universali. “Kull setgħa,” iddikjara Ġesù Rxoxt, “hi mogħtija lili fis-sema u fl-art” (Mattew 28:18). Kristu għandu setgħa sħiħa fuq l-anġli u d-demonji; fuq l-bnedemin, tajbin ħżiena; hu sovran fuq il-ħolqien kollu; Kristu għandu s-setgħa fuq il-ħajja u l-mewt. Kristu jżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu (Lhud 1:3).
  4. Eliżabetta serviet lin-nazzjon u l-commonwealth b’lealtà kif kienet wegħdet f’żgħożitha. F’sens wisq ogħla, Kristu wettaq fis-sħiħ il-wegħda lil Missieru, “Ara jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek” – anke sal-estremità li Kristu neża’ l-kuruna tal-glorja u minflokha xidd waħda tax-xewk; u kien merfugħ mhux fuq tron tad-deheb, imma fuq salib aħrax. Dan għamlu biex jikseb il-fidwa tiegħi u tiegħek. Mhux ta’ b’xejn li Alla għollih wisq u tah l-isem li hu fuq kull isem!

Għalhekk minn qalbna nobduh u nadurawh, waqt li nistennew id-dehra glorjuża t’Alla l-kbir u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.