Jikteb b'subgħajh fl-art


Kaxkruha quddiem Ġesù lil din il-povra mara maqbuda f’adulterju. Umiljawha, rexgħuha.

Ġabuha ċorma skribi u fariżej, qaddisin foloz, ipokriti. Ħsiebhom ma kienx li jonorow il-liġi t’Alla, imma li jonsbu lil Ġesù.

“Mosè kmandana nħaġġruhom lill-aduleri,” qalulu, “int, mela, xi tgħid?”

Xtaquh kieku jikkontradixxi lil Mosè sabiex ikollhom fuq xiex jixluh.

Ġesù tbaxxa mal-art, u beda jħarbex b’subgħajh fit-trab. Baqgħu jinsistu għal tweġiba. Ġesù qam bil-wieqfa u qalilhom, “Min fostkom hu bla dnub, ħa jkun l-ewwel wieħed li jixtħilha ġebla.”

Reġa’ tbaxxa. Ftit wara ħares ’il fuq. Kien għad hemm biss il-mara. L-oħrajn sparixxew. Kollha bewġu ’l hemm, ibda mix-xjuħ fosthom.

“Mara, fejn huma?’ qalilha Ġesù, “Ħadd ma kkundannak?”

“Ħadd, Sinjur,” wiġbitu.

U Ġesù, bi ħniena kbira, qaliha, “Lanqas jien ma nikkundannak; mur, u minn issa ’l quddiem tidnibx iżjed.”

Ġesù ħelisha mill-passat maħmuġ u taha futur nadif.

Il-fariżej u l-mara, it-tnejn ġew quddiem Ġesù; it-tnejn kienu akkużati fil-kuxjenza tagħhom. Il-fariżej telqu ’l hemm, aktar ħatja milli kienu ġew; il-mara baqgħet quddiemu, Ġesù bagħatha lejn darha ħielsa.

Ġesù wera lilu nnifsu ħanin u twajjeb mal-midneb. Imma, forsi wieħed jistaqsi, ma tiddomadax il-liġi t’Alla l-kastig għad-dnub? Kif seta’ Ġesù jeħles lill-adultera u xorta jkun ġust skont il-liġi divina? It-tweġiba hi miktuba mas-salib bid-demm ta’ Kristu. Fost id-dnubiet li ħa fuqu, Ġesù ħa wkoll l-adulterju ta’ din il-mara, ħa l-mistħija tagħha, ħa l-kastig tagħha, miet għalija fuq is-salib.

Ħabib, aħseb ftit. Int ma min tidentifika lilek innifsek? Mal-fariżej jew mal-adultera? Ġejt għand Kristu? Tammetti ħtijietek? Tlabtu jaħfirlek? Jekk iva, allura lilek ukoll Ġesù jgħidlek, “Jien ma nikkundannakx; mur, u minn issa ’l quddiem tidnibx iżjed.”