Il-bieraħ, illum u għada


Is-sena għaddiet u bdiet sena ġdida. Ejja nagħtu titwila lura u oħra ’l quddiem lejn l-akbar żewġ avvenimenti fl-istorja tad-dinja. Waħda ġrat diġà; l-oħra għad trid isseħħ.

Il-ġrajja tal-passat hi l-ewwel avvent ta’ Kristu. Fil-vanġelu ta’ Ġwanni, Ġesù sikwit jirreferi għall-miġja tiegħu fid-dinja.


(1) Ifissrilna x’kienet il-missjoni tiegħu: “Jien inżilt mis-sema,” qal Ġesù, “mhux sabiex nagħmel ir-rieda tiegħi, iżda r-rieda ta’ min bagħatni” (6:38). Ġie biex iwettaq il-missjoni fdata lilu minn Missieru.

(2) U x’kien l-iskop li ġie għalih? Ġesù jgħidilna: “Jien ġejt sabiex ikollhom il-ħajja, u jkollhom bl-abbondanza” (10:10).

(3) U kif kiseb il-ħajja bil-kotra għad-dixxipli tiegħu? Darba, meta kien qed joqrob lejn is-salib, Ġesù stqarr: “Issa ruħi mħawda, u x’naqbad ngħid? ‘Missier, salvani minn dis-siegħa’? Iżda minħabba f’hekk ġejt, għal dis-siegħa.” Ġesù ġie biex imut, għax kif spjega hu stess, “Jekk il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art ma tmutx, hi tibqa’ waħidha; imma jekk tmut, tipproduċi ħafna frott” (12:24, 27).

Dak kollu diġà seħħ. Il-ġrajja tal-futur, għalkemm għad trid tiġri, hi daqshekk ieħor ċerta. Ġesù għad jerġa’ jiġi!

Se jirritorna sabiex il-wegħda tiegħu għalina ssir realtà, meta talab: “Missier, irrid illi huma wkoll li tajtni jkunu miegħi fejn inkun jien, sabiex jaraw il-glorja tiegħi, li tajtni, għax ħabbejtni qabel il-pedament tad-dinja” (17:24-25). L-aħwa, għad jiġi żmien meta nkunu ma’ Ġesù u narawh fis-sebħ kollu tiegħu.

L-ewwel miġja sserħilna l-kuxjenza tagħna għax nafu li dnubietna huma maħfura bis-salib. It-tieni miġja timla qalba bit-tama ta’ hena bla tmiem. Il-passat, il-futur… u xi ngħidu għall-preżent?

Ġesù għandu kelma ta’ faraġ għalina għal-lum. Lilna li nemmnu fih u nħobbuh, jassigurana: “Il-Missier innifsu jħobbkom, għax ħabbejtu lili, u emmintu illi jien ħriġt mingħand Alla” (16:27).

Ħija, oħti, għożż din il-verità f’qalbek: Alla l-Missier iħobbok. Ma nafx fejn inti fil-mixja tiegħek, fuq il-quċċata ta’ ferħ, fil-wita jew forsi f’wied ta’ dieqa. Int fejn int, ftakar li permezz ta’ Kristu, illum, bħalissa, il-Missier iħobbok!