Il-Missier ikbar minni


Waqt l-aħħar ċena, il-Mulej Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, "Tħallux qalbkom tkun iddisturbata, lanqas beżgħana. Smajtu illi jien għidtilkom, ‘Sejjer, u niġi għandkom.’ Kieku ħabbejtuni, kontu tifirħu illi sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu ikbar minni" (Ġwann 14:27-28)

Għaliex kien messhom ferħu d-dixxipli meta Ġesù qalilhom li kien sejjer għand il-Missier? Hu stess jgħidilna: kien messhom ferħu għax, qal hu, “Il-Missier akbar minni.”

Akbar minnu f'liema sens? Żgur li mhux fin-natura divina, għax qabel kien tahom sinjali mirakolużi u għallimhom li hu daqs Alla; li hu u l-Missier ħaġa waħda.

F'liema sens, mela, il-Missier hu akbar minn Ġesù? Il-Missier kien akbar fil-pożizzjoni eżaltata, b’kuntrast mal-pożizzjoni baxxa, umli u servili li kien fiha Ġesù.

Infatti f’post ieħor, Ġesù jagħtina eżempju ta’ dan mill-ħajja ta’ kuljum. “Min hu ikbar,” jistaqsi, “min jirreklina mal-mejda jew min iservi?” X’taħseb? Ġesù jafferma li min jirreklina, dak li qiegħed mal-mejda hu akbar min dak li jservih. (Ara Luqa 22:27). Min hu moqdi mhux akbar għax hu aktar uman mill-qaddej! Min hu moqdi u min jaqdi huma t-tnejn ugwalment umani. Imma f’sens ieħor, fil-pożizzjoni tagħhom, hemm differenza: min hu moqdi hu akbar, min iservi hu iżgħar.

Ftakar mela, kif kien ħabbar il-profeta Isaija, li fil-miġja tiegħu fuq l-art, l-Iben kien il-qaddej tal-Mulej. L-Iben kien hawn taħt; il-Missier fl-ogħla smewwiet. L-Iben umilja lilu nnifsu; il-Missier fil-glorja. L-Iben iċċekken billi sar qaddej, sar ubbidjenti; filwaqt li l-Missier b’awtorità fuqu, jikkmandah.

Imma dan kollu kien għal ftit ta’ żmien biss: sakemm jikseb il-fidwa tagħna; sakemm iwettaq kompletament ir-rieda ta’ min bagħtu.

Fl-aħħar ċena, meta kien qed joqrob il-mument li jirritorna fi ħdan il-Missier, Ġesù talbu, “U issa, Missier, igglorifikani int miegħek innifsek bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja” (Ġwanni 17:5).

Il-Misier wieġeb talbu. Ma jgħidx iżjed, “Jien sejjer għand il-Missier,” għax issa Ġesù hemm qiegħed, fuq il-leminija tal-Maestà. Ma jgħidx aktar, “Missieri akbar minni,” għax issa bħall-Missier u mal-Missier, l-Iben hu meqjum mill-anġli u l-qaddisin fis-sema.

Tifhem issa għaliex id-dixxipli kien messhom ferħu? Lil min tħobb ma tixtiqux jibqa’ umiljat; tieħu gost meta tarah onorat kif jixraqlu.

Aktar minn hekk, tifraħ int li Alla għollih wisq, u tah l-isem li hu fuq kull isem, biex għall-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkoppa?

Fuq kollox, qalbek qed tħeġġeġ bl-imħabba lejh, is-Sid li serviek u ta ħajtu għalik? Qiegħed tobdih bil-ferħ? Tithenna fil-qima tiegħu?