Missjoni Impossibbli


Kulma bassar Ġesù li kellu jiġrilu seħħ preċiżament kif kien qal (Mattew 20:18-19).
  • ‘Ara, aħna telgħin Ġerusalemm,’ u hekk għamlu.
  • ‘Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-iskribi,’ u hekk ġara.
  • ‘Jikkundannawh għall-mewt,’ u hekk għamlulu.
  • ‘Jagħtuh lill-Ġentili biex jiddieħku bih, u jsawtuh, u jsallbuh,’ u hekk ġralu.
Fuq kollox, Ġesù qal, ‘U fit-tielet jum iqum.’ L-għedewwa tiegħu kien jafu b’din il-profezija. Għalhekk wara d-difna l-qassisin il-kbar u l-Fariżej marru għand Pilatu u qalulu, ‘Sinjur, aħna niftakru li dak il-qarrieq qal, meta kien għadu ħaj, ‘Wara tlitt ijiem inqum.’ Ordna mela li l-qabar ikun imħares sat-tielet jum li ma jiġux id-dixxipli tiegħu bil-lejl u jisirquh’ (Mattew 27:63-64).

Huma kienu jafu sew jekk Ġesù kienx qarrieq jew le. Qatt ma qabduh fl-iċken gidba, u meta arrestawh kellhom itellgħu xhud giddieba kontrih għax ma sabu xejn ma xiex iqabbdu diffrejhom. Ma kinux kuntenti li sallbu lil Ġesù, issa riedu jiżguraw li l-katavru tiegħu jibqa’ fil-qabar.

Din tagħhom kienet missjoni imossibbli! Kien ikun eħfef għalihom iżommu x-xemx ma titlax filgħodu milli jżommu lil Prinċip tal-ħajja fl-irbit tal-mewt. Ironikament kienu l-istess suldati Rumani mibgħuta jgħassu l-qabar li marru lura għandhom biex jagħtuhom l-aħbar tal-qawmien. Tassew, bħalma kien qal, fit-tielet jum, Ġesù qam!

Il-Lhud ħallsu l-flus lil Ġuda biex jarrestawh, u issa kellhom jerġgħu iħallsu l-flus lill-għassiesa biex jagħlqulhom ħalqkom u jżommu l-verità mistura. Ma nistax nifhem għaliex xi ħadd ikun irid jostor aħbar sabiħa bħal dik! Imma għal darb’ oħra għarrielhom. La setgħu jżommu lil Ġesù fil-qabar, u lanqas ma setgħu jwaqqfu lid-dixxipli tiegħu milli jxandru l-aħbar tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu mal-erbgħat irjieħ tad-dinja.

U lanqas nistgħu nisktu aħna illum! Din il-verità glorjuża hi ħajjitna, il-ferħ u t-tama tagħna, bħalma jwegħdna Alla fl-Iskrittura, ‘Għax jekk int tistqarr b’fommok ’il Sidna Ġesù, u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, int issalva’ (Rumani 10:9).