Tefa' fuqu l-ħażen tagħna


Id-dinja hi mniġġsa. Mhux biss bil-ħmieġ, l-iskart u d-dħaħen. Id-dinja mniġġsa bi dnubietna.

Il-bniedem supperv huwa ingrat lejn dak li ħalqu. Minflok isebbaħ isem Alla, jidgħi u jiżżufjetta bih. Minflok jobdi l-liġi tiegħu, jirribella kontrih u jisfidah. U dan jidher fis-soċjetà tagħna: disrispett lejn kull awtorità, abbuż ta’ poter, mibgħeda, tgħajjir, malafami, ġlied, vjolenza, żena, adulterju, serq, fottimenti, diżonestà, inġustizzji, rgħiba, ipokrezija u għira.

Imma taf fejn fid-dinja hu l-aktar post imniġġes?

L-aktar post maħmuġ hu l-għolja tal-Kalvarju. Alla ġabar id-dnubiet u l-ħażen kollu tal-poplu tiegħu fi trakk taż-żibel u ferrgħu bħal f’miżbla fuq Kristu. “Il-Mulej tefa’ fuqu l-ħażen tagħna lkoll.”

U l-intiena kienet tant qawwija li l-Missier dawwar wiċċu minnu!

Alla dawwar wiċċu minn Ibnu biex ma jdawwarx wiċċu minna l-midinbin, anżi jħares lejna bi ħniena u jilqana fi ħdanu, meta nindmu u nemmnu f’Ġesù.