Jekk nitgħolla mill-art


Kmieni filgħodu l-mexxejja Lhud ħadu lil Ġesù quddiem il-gvernatur Ruman. Pilatu ma riedx jindaħal. Infatti qalilhom, “Ħuduh intom infuskom u ġġidukawh skont il-liġi tagħkom.”

Effettivament Pilatu tahom il-permess li jagħmlu bih li jridu. Imma l-mexxejja Lhud ma aċċettawx. Qalulu, “Għalina mhux leċitu li noqtlu ’l ħadd.” Il-Lhud iedu joqtluh imma ma ridux joqtluh huma stess; riedu li joqtluhulhom l-awtoritajiet Rumani.

Kif kien joqtluh il-Lhud kieku tawh il-piena kapitali huma? Bit-tħaġġir. Infatti kemm-il darba naqraw fil-vanġelu li l-Lhud qabdu l-ġebel biex iħaġġruh. Filwaqt li l-metodu ta’ eżekuzzjoni Ruman kien it-tislib.

L-evanġelista jispjegalna s-sinifikat ta’ dan kollu. “Sabiex tkun imwettqa kelmet Ġesù li kien qal, li biha indika b’liema tip ta’ mewt kellu jmut.” (Ġw.18:31-32).

Għax Ġesù kien qal li “bħalma Mosè għolla s-serpent fid-deżert, hekk jeħtieġ jitgħolla Bin il-bniedem” (Ġw.3:14); u f’post ieħor, “Jien, jekk nitgħolla mill-art, se niġbed lil kulħadd lejja nnifsi” (Ġw. 3:14; 12.32), u jerġa’ f’post ieħor, “Se jerħuh f’idejn il-Ġentili ħalli jżebilħuh u jsawtuh u jsallbuh” (Mt 20:19).


Imma għaliex kellu jmut msallab u mhux imħaġġar? L-Appostlu Pawlu jagħtina s-sinifikat tat-tislib ta’ Kristu. Jibda billi jgħidilna li aħna konna misħutin minħabba dnubietna. Imma jkompli jagħtina l-aħbar tajba li Kristu ħelisna mis-saħta tal-liġi bis-salib. Għax hu miktub fl-Iskrittura, “Misħut kull min hu mdendel ma’ siġra” (ara Galatin 3:10-14). Is-saħta tagħna ħadha fuqu fuq is-salib.

Ħabib, ħarist lejn Kristu msallab? Temmen fih? Jekk iva, ftakar b’radd il-ħajr f’Dak li kien misħut biex inti tkun meħlus, ġustifikat u mbierek minn Alla.