Il-kont tad-dejn


Meta nirċievi l-kont tad-dawl u l-ilma npoġġi bilqegħda, niftaħ l-envelop u nlesti ruħi għas-sorpriża. Meta kont għadni ġuvni l-kont ma kienx jiġini daqshekk għoli. Forsi qed jiġi ogħla minħabba li issa għandi tlett itfal? S’issa t-tfal tgħallmu jużaw is-swiċċ biex jixgħelu id-dawl. Forsi xi darba jiskopru s-sigriet li l-istess swiċċ jista’ jintuża wkoll biex jitfu l-bozza qabel joħorġu mill-kamra. Insomma, sakemm il-kont jibqa’ fuq il-mejda, dak ifisser li għandi d-dejn mal-ARMS. Imma kif appena nħallsu bil-BOV app, naqbad il-karta, nqattagħha u narmiha fil-borża l-griża.

Kelli kont ieħor, ħafna aktar iebes minn dan. Mhux miktub fuq karta imma fuq il-kuxjenza. Mhux il-kont ta’ xi servizz li għamilt użu minnu imma ta’ kull ċitazzjoni li qlajt kull darba li ksirt il-liġi tas-sema. Mhux kont li jitħallas bil-karti tal-ewro, imma jitħallas bit-telfien ta’ dejjem fl-infern. Ħsieb tal-biża’!

Kemm huma sbieħ, mela, dawn il-kliem ta’ din l-Iskrittura! Isimgħu sewwa.

“Alla ħafrilkom it-trasgressjonijiet kollha billi kkanċella r-rekordju ta’ dejn kontrina li jikkonsisti fl-ordinanzi, li kien ostili għalina; u warrbu min-nofs, billi sammru mas-salib” (Kolossin 2:13-14). Dan ifisser li lilna li nemmnu f’Ġesù, Alla ħafrilna dnubietna kollha. Alla ħassar tad-dejn li kellna miegħu, qabad il-kont tagħna u tah lil Ġesù, Ibnu.

Meta Pilatu kkundanna lil Ġesù għall-mewt kiteb skrizzjoni bil-“ħtija”, u s-suldati waħħluha mas-salib: “Ġesù Nazzarenu, Sultan tal-Lhud.” Kien hemm skrizzjoni oħra mħaħħla mal-għuda - il-kont tad-dejn ta’ dnubietna. Waħħalha Alla l-Missier. Ma kinitx tidħer f’għajnejn in-nies, imma hemm kienet, reali f’għajnejn Alla daqs kemm huma reali d-dnubiet tiegħi u tiegħek.

Kif appena Kristu ta ħajtu, id-dejn kollu tagħna tħassar. Il-piż infinit ta’ ħtijietna tneħħa minn fuq il-kuxjenza tagħna. Ejja nkunu ċari: mill-kont aħna ma ħallasniex imqar ċenteżmu; il-kont ħallasulna Ġesù. Ħallasulna mhux bil-fidda jew bid-deheb, imma bid-demm prezzjuż tiegħu. Għalhekk l-Iskrittura tassigurana li Alla ħafrilna dnubietna kollha. Lilna ħafirhomlna għax ħallas għalihom ħaddieħor, ħallas għalihom Kristu.

Ħuti, ejja niċċelebraw il-ħelsien li kisbilna b’tant tbatija Sidna Ġesù. Ejja ngħannu bil-ferħ lis-Salvatur tagħna.

Insebbaħ lill-Feddej tiegħi
U imħabbtu b’ebda qies,
Fuq salib għalija sofra
Biex ikun tiegħi Ħellies.

Inkanta lill-Feddej tiegħi,
B’demmu stess xtrani għalih;
Fuq salib maħfra ssiġilla,
Patt’ għad-dejn, tani l-ħelsien.