Kif jaħsbuha l-Maltin dwar il-mewt?


Nofs il-Maltin jaħsbu li se jmorru l-ġenna wara li jmutu. Dan intwera minn studju riċenti mill-Università ta’ Malta.

Tlett kwarti qalu li l-mewt teħlishom mill-uġigħ u s-sofferenza. Għalkemm il-maggoranza jammettu li l-mewt hi naturali u inevitabbli, xorta waħda l-ħsieb tal-mewt jqabbadhom ansjeta, u rari jaħsbu dwarha.

Il-Mulej Ġesù jagħmel id-differenza kollha fl-attitudni tagħna lejn l-mewt. Hu ġie, tgħid l-Iskrittura, biex jeħlisna mill-biża’ tal-mewt.

Il-Mulej jgħallimna li l-mewt mhix naturali. Il-mewt daħlet minħabba d-dnub, ir-ribelljoni tal-bniedem kontra l-Ħallieq. Jgħallimna wkoll li wara l-mewt fiżika se jkun hemm ġudizzju. Għal xi wħud il-ferħ u l-ħajja eterna; għal oħrajn il-kastig ta’ dejjem fl-infern.

Ħadd minna ma ħaqqu l-ġenna, għax ilkoll dnibna kontra Alla. Imma Alla hekk ħabb lid-dinja li ta 'l Ibnu l-waħdieni, biex kull minn jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

Is-Sid kapaċi jeħlisna mill-biża’ tal-mewt għax Ġesù rebaħ fuqha. Ġesu qam! Ġesù qed jgħix! Ġesù qed jistiednek b’imħabba biex iddur lejh u temmen fih. Bis-saħħa tiegħu tgħix tassew, u tmut fil-paċi m’Alla.

Il-ħajja qasira. Il-mewt hi żgur. Id-dnub huwa l-kawża. Kristu hu l-fejqan.