Ġesù Jeħles lill-Poplu Tiegħu

Sa minn tfuliti kont u għadni mmeraviljat b’dak li ġara fl-ewwel Milied.
L-anġlu qal lil Ġuzeppi biex ma jibżax jieħu lil Marija b’martu għax dak li kien mnissel fiha kien mill-Ispirtu s-Santu. “Hi tiled iben,” qallu, “u int issemmih Ġesù għax hu jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom.”
L-Iben t’Alla – li kien minn dejjem mal-Missier u li bih kien maħluq kollox – sar bniedem, niżel mis-sema u ġie fid-dinja tagħna. Is-Sultan etern libes il-faqar u ġie fostna; it-tfajjel ta’ Betlehem huwa Emmanuel, Alla magħna!
Ġesù ġie biex iwettaq missjoni li ħadd ħliefu ma seta’ jwettaq. Hu ġie biex JEĦLES lil poplu tiegħu minn dnubiethom.
Għax aħna ksirna l-Liġi t’Alla, aħna ħatja quddiemu, u jistħoqqilna l-kastig u l-għadab tiegħu fl-infern. Imma Ġesù jsalva 'l-poplu tiegħu mill-ħtija u l-ħakma tad-dnub, il-mewt, u l-infern, u jħabbibhom m’Alla.
Imma għal xi wħud Ġesù ma jiswa xejn għax hu jsalva biss lil dawk li huma tiegħu - hu jeħles lil poplu TIEGĦU, tgħid l-Iskrittura.
Għalhekk ta’ min nirrifletti fuqi nnifsi u nistaqsi, "Jien ta’ Ġesù, jien nagħmel sehem mill-poplu tiegħu, jien membru ħaj fil-knisja tiegħu? Indimt minn dnubieti? Jien qiegħed nafda s-salvazzjoni ta’ ruħi f’idejh? Hemm evidenża tal-ħajja tiegħu fija? Qiegħed nistinka biex ngħix skont ir-rieda tiegħu, niskarta d-dnub, nagħmel it-tajjeb, u nħobb lil kulħadd mill-qalb?"
Jekk iva, nista’ nkun ċert li hu jsalva lili wkoll minn dnubieti. Isalvani għaliex hu Alla, u għalhekk jista’ kollox. Isalvani għax sar bniedem, tad-demm u l-laħam bħali, sabiex hu, li kien bla dnub, xerred demmu biex iħallas darba għal dejjem id-dejn tiegħi. Ħa fuqu dak li qatt ma kellu, id-dnub; u ta lili dak li qatt ma kelli, qalb nadifa u l-ħajja ta’ dejjem.
Minn qalbi nittama li inti wkoll tesperjenza l-maħfra u l-paċi li Ġesù biss jaf jagħti. Hu ġie biex jeħles lill-poplu tiegħu minn dnubiethom.