Il-Festi tal-Lhud: L-Ażżmi


Il-festa tal-Ażżmi kienet it-tieni minn seba’ festi ta’ Iżrael. Jgħidulha hekk għaliex matulha l-Lhud kienu jieklu ħobż ażżmu, jiġifieri mingħajr ħmira, u kienu wkoll inaddfu d-dar minn kull nitfa ħmira.

L-Ażżmi kienet marbuta mal-Għid. L-Għid kien jaħbat fl-14-il jum tal-ewwel xahar tal-Lhud; l-Ażżmi kienet tibda l-għada, il-ħmistax tax-xahar, u kienet iddum ġimgħa sħiħa. Kienet tfakkar il-fatt li l-Lhud tkeċċew mill-Eġittu, u ħarbu bl-għaġġla, u għalhekk ma kellhomx ħin biex jistennew l-għaġna togħla.

Il-ħmira għandha wkoll tifsira simbolika. Ġesù jqabbel il-ħmira mad-dottrina falża u l-ipokrezija. L-appostlu Pawlu jxebbaħha mad-dnub.

“Mhux tajjeb il-ftaħir tagħkom. Ma tafux illi ftit ħmira tħemmer l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, sabiex tkunu għaġna ġdida, bħalma infatti intom ażżmi; għax tabilħaqq Kristu, l-Għid tagħna, kien issagrifikat. Għalhekk ħa niċċelebraw il-festa, mhux bil-ħmira l-qadima, lanqas bil-ħmira tal-malizzja u l-ħażen, iżda b’ħobż ażżmu tas-sinċerità u l-verità.” (1 Korintin 5:6-8).

Ninnotaw ir-rabta bejn l-Għid u l-Ażżmi. Il-Lhud kienu meħlusin mill-kastig bid-demm tal-ħaruf (l-Għid); imbagħad kellhom jgħixu fi djar imnaddfa mill-ħmira (Ażżmi). Hekk ukoll aħna, ladarba Kristu, il-ħaruf tal-Għid tagħna kien issagrifikat għalina, u b’hekk meħlusin mill-kastig t’Alla, issa aħna msejħin biex inneħħu il-ħmira - kull malizzja u ħażen - minn ħajjitna.

Ninnotaw ukoll kif ftit ħmira tħemmer l-għaġna kollha. Tikka ħmira tinfirex u tneffaħ l-għaġna sħiħa. M’hemmx bżonn salt dnubiet jew xi dnub goff biex jisraqlek il-ferħ u jħassarlek it-testimonjaza tiegħek. Fittex mela fil-kuxjenza tiegħek quddiem Alla imqar għal dak id-dnub “żgħir” u moħbi. Stqarru lil Alla issa stess, u ara x’se tagħmel biex tqaċċtu ’l barra. Imbagħad tesperjenza ċ-ċelebrazzjoni ferrieħa ta’ ħajja sinċiera quddiem il-Mulej.