Festi tal-Lhud - L-Ewwel Frott


Il-festa tal-Ewwel Frott kienet taħbat fil-bidu tal-istaġun tal-ħsad. L-ewwel l-Għid, l-għada tibda l-Ażżmi, u fit-tielet jum l-Ewwel Frott.

Il-Lhud ma kinux jieklu mill-ħsad ta’ dik is-sena qabel ma joffru l-ewwel frott lill-Mulej. Fil-festa kienu jieħdu qatta xgħir lill-qassis fit-Tempju, u dan kien ixejjirha quddiem il-Mulej. B’hekk kienu qed jirrikonoxxu li Alla pprovdielhom l-art u l-ikel għall-għixien tagħhom. Kienet festa ta’ gratitudni u ferħ.

Bħal festi l-oħra tal-Lhud fil-Patt il-Qadim, il-festa tal-ewwel frott kienet dell tal-Messija li kellu jiġi. L-Appostlu Pawlu jikteb:

“Kristu kien irxoxtat mill-imwiet, l-ewwel frott ta’ dawk li raqdu. Għax ladarba permezz ta’ bniedem ġiet il-mewt, permezz ta’ bniedem ukoll ġiet ir-resurrezzjoni tal-mejtin. Għax bħalma f’Adam kollha jmutu, hekk ukoll fil-Kristu kollha se jkunu magħmulin ħajjin. Imma kull wieħed fl-ordni tiegħu stess: Kristu l-ewwel frott, imbagħad dawk tal-Kristu fil-miġja tiegħu” (1 Korintin 15:20-23).


Bħalma l-qatta tax-xgħir ppreżentata lill-Mulej kienet tirrappreżenta l-bidu tal-ħsad, fl-istess ħin kienet tantiċipa l-ħsad sħiħ għal Iżrael. Hekk ukoll Ġesù. Hu li miet għalina kien l-ewwel wieħed li ġie mqajjem mill-mewt b’ġisem glorifikat u immortali. Il-qawmien ta’ Kristu jantiċipa l-qawmien ta’ dawk kollha li huma tiegħu. Imma kollox fl-ordni: Ġesù l-ewwel frott, imbagħad aħna, li għad nitqajjmu mill-mewt fit-tieni miġja tiegħu.

Il-preżenza ta’ Kristu fuq il-leminija tal-Missier, l-ewwel frott minn bejn l-imwiet, tagħtina tama li aħna wkoll għad ngħixu miegħu għal dejjem f’ġisem immortali.