Il-Festi tal-Lhud: L-Għid


L-festa tal-Għid kienet il-bidu tas-sena reliġjuża tal-Lhud. L-Għid kien it-tifkira annwali tal-ħelsien tagħhom mill-jasar fl-Eġittu (Esodu12:1; Levitiku 23:4-8), imma kien ukoll sinjal ta’ ħelsien akbar li Alla kellu jwettaq fil-futur, il-ħelsien mid-dnub u mill-ħaqq li ġej fl-aħħar taż-żminijiet.

Fl-Għid il-Lhud kienu joqtlu u jieklu ħaruf biex ifakkru l-avveniment storiku ta’ żmien Mosè. “Il-ħaruf tagħkom ikun bla difett… lanqas tkisser għadma minnu… jieħdu ftit demm, u jxerrduh fuq il-ġnub u fuq il-blata tal-bibien tad-djar… malli nara d-demm jien naqbiżkom, u l-ebda ħsara ma tiġi fuqkom biex teqridkom, meta jien nidrob art l-Eġittu…” (Esodu12:5-13).

Il-ħaruf kien xbieħa ta’ dak li kellu jiġi. Ġwanni l-Battista introduċa lil Ġesù bħala l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja (Ġwanni 1:29).

L-Iskrittura tfakkarna li aħna konna mifdija mill-ħajja fiergħa tagħna bid-demm prezzjuż ta’ Kristu, bħala ħaruf bla għajb u bla tebgħa (1 Pietru 1:19).

L-appostlu Pawlu jgħidilna li Kristu, l-għid tagħna, hu issagrifikat għalina. U ladarba ġġustifikati b’demmu, aħna għad inkunu salvati mill-għadab permezz tiegħu, meta l-għadab ġust t’Alla jissawwab fuq dinja ribelluża. (Ara 1 Korintin 5:7; Rumani 5:9).

Ġesù għażel l-ikla tal-Għid sabiex fiha jħabbar il-patt il-ġdid f’demmu, u li aħna l-Insara nfakkru fl-Ikla tal-Mulej. Aħna li emminna fih għandna sehem f’dan il-patt. Għalina m’hemm ebda kundanna, la issa u lanqas f’jum il-ġudiżzju, għax meta jara d-demm ta’ Ibnu fuqna, Alla jibqa’ għaddej, u l-ebda ħsara ma tiġi fuqna biex teqridna.