Rispett


Wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħi bħala missier huwa li ngħallem lit-tfal jirrispettaw lil kulħadd.

Alla tahom kmandament – “weġġaħ lil missierek u lil ommok” – u mal-kmandament rabat wegħda ta' għomor twil u risk fuq l-art. Din hi x-xewqa u t-talba tiegħi għal uliedi.

Is-sejħa tiegħi u tal-mamà tagħhom hija li nkunu coaches għalihom biex nittrenjawhom, b’dixxiplina, b’paċenzja u b’ħafna inkoraġġiment, biex jitgħallmu jagħmlu għażliet tajba u jibnu karattru sod.

Lit-tfal ngħallimhom mhux biss bil-kelma, imma billi inkun mudell għalihom.

Jekk irrid nirbaħ ir-rispett tagħhom, allura jien irrid inkun l-ewwel wieħed li nurihom rispett. Ma nkunx bully magħhom, ma niksirhomx, ma nċanfarhomx bl-aħrax, napprezza t-tajjeb tagħhom, infaħħarhom, ninkorraġġihom, nismagħhom b’attenzjoni, u nagħdirhom fid-dgħufijiet tagħhom.

Jekk irridhom jonoraw lil ommhom, jeħtieġ jarawni nġib ruħi ma’ marti b’imħabba u rispett. Jisimgħuni ngħidilha, 'Jekk jogħġbok,' 'Grazzi,' 'Prosit,' 'Aħfirli,' u 'Nħobbok.' Inkun missier tajjeb għalihom jekk jaraw fija raġel li tassew inħobb lil martu.

It-tfal iridu jitgħallmu jirrispettaw lil kulħadd, inkluż in-nanniet, l-għalliema u lil sħabhom. Kollox jibda mid-dar. Fuq kollox it-tfal iridu jitgħallmu ir-rispett lejn Alla. L-antiki kienu jsejħulu, “il-biża t’Alla” – attitudni ta’ qima lejh; filli jagħrfu l-awtorità tiegħu u jobduh; u l-ġenerosità tiegħu, biex iħobbuh u jafdaw fih.

Inkun kuntent meta t-tfal itiru mill-bejta jekk ikunu nies li jweġġħu ’l Alla b’qima, u jirrispettaw lil għajrhom b’imħabba sinċiera.