X'jista' jaħsilni mid-dnub?


Għall-O level tal-lnġliż studjat id-dramm ta’ Shakespeare, Macbeth. Dan Macbeth kien nobbli Skoċċiż. Il-mara tiegħu, Lady Macbeth, riditu jieħu t-tronn tal-pajjiż, u għalhekk it-tnejn flimkien ikkomplottaw biex joqtlu lis-Sultan.

F’xena famuża, xi żmien wara li qatlu r-Re, Lady Macbeth jagħtiha ħmar il-lejl. Waqt li l-mixi fl-irqad narawha togħroq idejha flimkien għal ħin twil bħallikieku qed taħsilhom. Fl-immaġinazzjoni tagħha tarahom mċappsin bid-demm, imma tagħmel x’tagħmel, ma setgħetx tnaddafhom.

Għaliex fil-fatt idejha ma kinux imċappsin b’demm ta’ veru. Id-demm fi ħsibijietha kien simbolu tal-ħtija li kienet qed titturmentaha, it-tebgħa morali li kellha fil-kuxjenza tagħha. Kieku kien demm, kien ikun faċli taħslu bl-ilma u s-sapun. Imma kif tista’ tnaddaf il-ħtija f’qalbha?

Fl-istess xena, it-tabib ta’ Lady Macbeth kien mistoħbi fil-ġenb josserva l-imġiba stramba tagħha, tipprova u terġa’ tipprova tneħħi t-tebgħa min idejha. It-tabib jammetti li ma kellux il-ħila jfejjaqha, u li aktar kellha bżonn tad-divin mill-mediku.

Fi kliem ieħor, l-ebda tabib jew terapista, ma jista’ jeħlisna mill-ħtija tad-dnub. Il-mediċini jistgħu jibdlulek il-burdata, u l-alkoħol jista’ jnessik għal xi żmien, imma l-ħtija hemm tibqa’.

Fl-evanġelu biss insibu tama ġenwina ta' tindif u maħfra, għax dak li ma nistgħux nagħmlu aħna, agħmlu għalina s-Sid Divin tagħna, Ġesù. Għalina u għas-salvazzjoni tagħna sar bniedem; għix ħajja perfetta mingħajr qatt ma ċċappas bl-iċken dnub; hu tgħabba bid-dnubiet ta’ niesu u ħallas għalihom darba għal dejjem billi xerred demmu fuq is-salib.

Id-demm tal-ħtija tagħna jitnaddaf biss bid-demm imxerred ta’ Kristu. Kemm hi prezzjuża l-wegħda t’Alla fl-Iskrittura, għalina li nemmnu fih u nimxu warajh – “Id-demm ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla, jnaddafna minn kull dnub!” (1 Ġw. 1:7).

Mhux ta’ b’xejn inkantaw bil-ferħ …

X’jista’jaħsilni mid-dnub?
Huwa biss id-demm ta’ Kristu!