Ma nwarrabx il-grazzja t'Alla


Meta tiġi f'salib it-toroq trid tagħżel waħda minn żewġ alternattivi. Din hi l-għażla fundamentali li rridu nagħmlu quddiem Alla. L-appostlu Pawlu hekk għamel "Ma nwarrabx il-grazzja t’Alla: għax jekk il-ħaqq jiġi mil-liġi, mela Kristu miet għal xejn" (Galatin 2:21).

Hemm żewġ toroq quddiemi. Hemm miktub fuq it-tabella tal-ewwel triq: IL-ĦAQQ MILL-LIĠI; u fuq it-tieni waħda, ĠUSTIFIKATI BIS-SALIB TA’ KRISTU.

Tal-ewwel tikkmandani naħdem, nagħmel, u nistinka, u jekk nobdi perfettament, mingħajr żball wieħed, matul ħajti kollha, twiegħdni l-ħlas, il-paga li jkun ħaqqni għal għemili.

Tat-tieni tistedinni nemmen, nafda, nistrieħ fi Kristu, u twegħdni li naqla’ dak li ma’ ħaqqnix, li ma ħdimtx għalih, li kiseb għalija Kristu bis-salib, u jkun mogħti lilni b’xejn, bi grazzja, mill-qalb ħanina t’Alla.

Ħaġa waħda ma nixtax nagħmel: li nimxi fuq dawn iż-żewġ toroq fl-istess ħin. Jew naqbad waħda jew l-oħra, imma it-tnejn f’daqqa ma jistax ikun.

Jiddispjaċina wisq għal dawk in-nies – x’uħud minnhom qraba u ħbieb tagħna – li għażlu t-triq tal-liġi biex mingħalihom isiru ġusti quddiem Alla. Dawn warrbu l-grazzja t’Alla; dawn jinsultaw lill-Mulej Ġesù u bl-għażla tagħhom jgħidulu, ‘Int xerridt demmek bla bżonn; is-salib tiegħek ma jiswa xejn!’

Imma forsi, bl-għajnuna t'Alla, inti tilqa' l-evanġelju, u tgħidlu, "Mulej, bil-liġi ma stajtx ikun ġustifikat, għax jien ksirt il-kmandamenti tiegħek. Jien ħati. Jien ħaqqni l-għadab tiegħek. Imma inti kont ħanin miegħi; ma tajtnix dak li jistħoqqli, anzi tajtni dak li ma nimmeritax. Inti ġġustifikajtni minħabba is-salib ta’ Ibnek Ġesù."

Le, mhux għal xejn, imma għalija miet, għalija ta lilu nnifsu, biex jeħlisni minn dnubieti u jlibbisni bil-ħaqq perfett tiegħu. Ma nġibx fix-xejn il-grazzja tiegħek, għax biss il-grazzja tiegħek ħelsitni u tati l-ħajja!