L-eroj tiegħi


Corey Comperatore kien raġel ta’ 50 sena minn Pennsylvania; miżżewweġ u kellu żewġt ibniet, il-mimmi t’għajneh. Corey kien Kristjan; nhar ta’ Ħadd kien jattendi l-knisja mal-familja għall-qima t’Alla. Kien jaħdem bħala inġineer. Kien ukoll suldat riservista fl-armata Amerikana, u għal ħafna snin serva bħala voluntier Chief Fire Fighter. Sħabu jixhdu li kemm-il darba poġġa ħajtu fil-periklu biex jeħles lill-oħrajn min-nirien.

Nhar is-Sibt 13 ta’ Lulju, 2024, Corey attenda rally politiku mal-familja tiegħu. Kien dakinhar li seħħ l-attentat fuq ħajjet l-ex-President Trump. F’daqqa waħda nstemgħu tiri t’arma tan-nar u qam pandemonju sħiħ. Corey intefa’ mal-art fuq martu u t-tfal tiegħu. B’kuraġġ kbir Corey qiegħed ġismu bħala tarka biex jiddefenti l-għeżież tiegħu mill-isparar.

Wieħed mill-bullets ġie dritt lejn il-familja ta’ Corey. It-tfal tiegħu ma ġralhom xejn għaliex il-bullet laqgħat lil missierhom. It-tifla tiegħu sejħitlu l-eroj tagħha, u bir-raġun. Tista’ tgħid li missierha miet għaliha. Miet hu biex tgħix hi.

Jien ukoll darba kont fil-periklu tal-mewt. Mhux mit-tiri ta’ assassin krudili; jien kont fil-mira tal-ġustizzja retta t’Alla. Jien midneb u jistħoqqli l-kastig tal-infern. Nirringrazzja ’l Alla, l-eroj tiegħi, Ġesù, poġġa ġismu bejnni u l-ġustizzja divina. Il-bullet tal-kundanna tiegħi laqat lilu. Ġesù xerred demmu għalija. Miet hu biex ngħix jien!

Ħabib, tista’ tgħid inti wkoll, “Ġesù ħabbni u ta lilu nnifsu għalija”? Temmen fih biex jipproteġik mill-kastig li jistħoqqok? Qed tistaħba warajh bħala t-tarka tiegħek?

“Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem ngħixha bil-fidi li hi f’Bin Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Galatin 2:20).