X'nitgħallem mill-hyrax?


Il-Mulej iridna nitgħallmu mill-annimali. Ġesù jgħidilna li jekk għandna ħabta nkunu ansjużi, inħarsu lejn l-għasfur tal-ajru. Huma la jiżirgħu, la jaħsdu u lanqas jaħżnu, madankollu Alla jipprovdilhom x’jieklu. Allura taħseb li Alla l-Missier se jinsa lil uliedu?

Hemm diversi eżempji bħal dan. Insemmi wieħed biss, annimal partikolari li fil-Bibbja Maltija hu tradott ‘fenek selvaġġ’. Fil-fatt mhuwiex fenek u lanqas jiġi mir-razza tal-fniek. L-isem propju tiegħu huwa hyrax.

Dan l-annimal jinstab fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, u addatta ruħu għal ħabitats differenti. L-ispeċi tal-hyrax li nsibu f’Iżrael jgħix fl-irdumijiet. Huwa mammalu, żgħir, piluż u bla denb.

Il-hyrax jissemma’ erba’ darbiet fil-Bibbja. Darbtejn fil-Pentatewku; kien wieħed mill-annimali meqjusa bħala mniġġsin. Tant l-aħjar għalih, għax dan kien ifisser li l-Lhud ma setgħux jikluh u għalhekk ma kinux jikkaċċjawh.

Jissemma wkoll f’Salm 104:18. Dan is-salm sabiħ jitkellem dwar il-providenza t’Alla u kemm jieħu ħsieb il-ħlejjaq tiegħu, fosthom il-hyrax. Alla tahom l-irdumijiet biex ikunu r-refuġju tagħhom.

Fl-aħħar nett jissemma fi Proverbji 30:26. L-awtur jinnota li l-hyrax hu annimal żgħir u mhux potenti, imma fl-istess ħin, għaref. Għaref għaliex jgħammar għall-protezzjoni tal-irdumijiet. Il-blat hu l-qawwa ta’ dan l-annimal dgħajjef.

X’nitgħallmu mill-hyrax? Nitgħallmu li aħna wkoll, għalkemm dgħajfa, inkunu għaqlin jekk bħalu infittxu l-protezzjoni u s-sigurtà f’Alla, il-blata tagħna.

Bħalma jistqarr is-salmista, “Inħobbok, o Sid, il-qawwa tiegħi. Is-Sid hu l-blata tiegħi u l-fortizza tiegħi u l-ħellies tiegħi, Alla tiegħi, il-blata tiegħi, li fih insib refuġju” (Salm 18:1-2).

Ħabib, inti tqis lil Kristu bħala l-blata tiegħek? Issib fih il-ħelsien u r-refuġju tiegħek?

Jekk matul din il-ġimgħa tiltaqa’ ma’ saram u tħossok dgħajjef, kun għaref bħall-hyrax. Fittex ir-refuġju tal-blat! Dur lejn il-Mulej u għidlu, “Minn tarf l-art insejjaħlek meta qalbi hi mifnija; mexxini lejn il-blata li hi ogħla minni” (Salm 61:2).