Aħjar ma twelidx!
Waqt l-aħħar ċena, Ġesù qal lid-dixxipli, “Dak li jbill b’idu miegħi fid-dixx jittradini. Bin il-bniedem imur kif inhu miktub fuqu: iżda jaħasra għal dak il-bniedem li minnu Bin il-bniedem hu traddut! Aħjar kien ikun għal dak il-bniedem li kieku ma twelidx” (Mattew 26:23-24).
Dawn il-kelmiet solenni minn fomm il-Mulej jwissuna li m’hemmx tama għal dawk li jmutu fid-dnub. Kien ikun aħjar, jgħidilna Ġesù, għal dak il-bniedem li kieku ma twelidx. Ma tistax tagħti tifsira differenti ta’ dan id-diskors. Aħjar ma tgħix, milli tgħix mingħajr fidi, u tmut mingħajr grazzja. Jekk tmut f’dak l-istat, tintilef għal dejjem. Taqa’ u ma terġax tqum. Id-dagħbien bejn l-infern u l-ġenna ħadd ma jista’ jaqsmu.
Ġesù ma kienx jgħid kliem bħal dan kieku kien hemm imqar xaqq ta’ tama, kif isostnu xi wħud, li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd se jsalva. Kieku kien veru li, imqar wara miljuni kbar ta’ snin, bniedem mitluf jeħles mill-infern u b’xi mod jasal il-ġenna, x’jibqa’ mit-twissija ta’ Kristu li kien ikun aħjar għalih li ma twelidx? Ma nistgħux inħallu s-sentimenti tagħna jqarrqu bina. Ġesù jaf il-verità; qalilna kollox, is-sabiħ u l-ikraħ.
L-ikraħ hu l-infern... ma jintemmx, in-nar li ma jintefiex, il-kastig ta’ dejjem. Anke għal dawk li l-aktar kienu qrib tiegħu, li saħansitra kienu jieklu miegħu u jbillu l-ħobż fil-platt tiegħu. Jekk minkejja l-privileġġi reliġjużi, qalbek tibqa’ iebsa lejh, wara l-mewt tintebaħ li kien ikun aħjar kieku qatt ma eżistejt, milli teżisti ’l bogħod minnu fid-dlam sewdien tat-telfien ta’ dejjem.
Qalilna l-ikraħ biex nevitawh, u biex aktar ninġibu lejn is-sabiħ.
Is-sabiħ huwa l-ġenna, il-ħajja ta’ dejjem, permezz tiegħu, għal dawk kollha li jafdaw fih. M’humiex perfetti fihom infushom, imma jammettu dnubiethom, u jirrikorru għandu għall-maħfra. M’humiex perfetti, imma disposti li jinbiddlu, u impenjati biex jimxu warajh. It-tmiem tal-pellegrinaġġ tagħhom huwa wisq isbaħ u oħla milli qatt esperjenzaw fid-dinja. X’hemm isbaħ milli tgħix fl-hena mal-Mulej Ġesù għal dejjem?