Pactum Salutis



Konversazzjoni immaġinarja bejn Alla l-Missier u Ibnu li tesprimi veritajiet bibliċi dwar il-patt tal-fidwa tagħna.

Il-Missier
L-għajta tal-ħażen tal-bniedem telgħet mill-art quddiemi – il-kburija, idolatrija, regħba, żena, vjolenza, dagħa u qerq. Jeħtieġ li ssir ġustizzja!

L-Iben
Missier, nista’ nitkellem?

Il-Missier
Tkellem, Ibni.

L-Iben
Jekk hemm ħamsin ġusti fosthom, teqridhom ilkoll? Mhux ġust tikkastiga l-ġusti mal-ħżiena.

Il-Missier
Jekk hemm ħamsin ġusti, neħlisha lil kulħadd.

L-Iben
U jekk hemm ħamsa u erbgħin?

Il-Missier
Inħallihom jgħixu lkoll.

L-Iben
Erbgħin? Tletin? Għoxrin?

Il-Missier
Minħabba fihom inrażżan il-ġudizzju.

L-Iben
Missier, ħallini nitkellem darba oħra. Jekk hemm għaxra ġusti?

Il-Missier
Minħabba għaxra ġusti, inħallihom ilkoll ħajjin.

(Skiet)

L-Iben
Missier… m’hemmx għaxra ġusti.

Il-Missier
Mela l-ġudizzju jaqa’ fuqhom.

L-Iben
U jekk, Missier, ikun hemm wieħed biss ġust fosthom?

Il-Missier
Għal wieħed naħfrilhom ilkoll. Imma m’hemm ħadd tajjeb, le, lanqas wieħed!

L-Iben
Mela ismagħni, Missier. Jiena ninżel fosthom. Nieħu l-ġisem tagħhom, Nimxi fit-toroq tagħhom. Inġorr id-dgħufija tagħhom. Inkun magħhom. Inkun magħdud bniedem bħalhom. U jiena… jien ġust. Iġġudikani flokhom. Ħalli ħtijiethom jaqgħu fuqi. Ħalli l-ġustizzja tiegħi tgħattihom.

Il-Missier
Ibni, taf x’se jiswielek dan?

L-Iben
Iva, Missier, naf.

Il-Missier
Mela mur Ibni. Inti l-ġust, se tbati għall-inġusti, biex tressaqhom lejja. Inti l-ġust, se tiġġustika lil ħafna. U lilek se jsejħulek, "Il-Mulej, il-ġustizzja tagħna.”

Popular posts from this blog

Mewta tajba

Grazzi!

L-Indulġenzi