Eli, Eli, lema sabaqtani



Minn fuq is-salib, Ġesù kkwota l-ewwel vers ta’ Salm 22 biex jesprimi t-torment ta’ ruħu. “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Meta naqraw dan is-salm, ninnotaw li s-salmista kien konfuż, bħal donnu ried jgħid ’l Alla: “Il-poplu tiegħek afda fik u talbek, u inti dejjem smajt l-għajta tagħhom u ħlisthom. Qatt ma kienu diżappuntati, imma lili ma smajtnix. Għaliex, mela, lili abbandunajtni?

Din hi għajta ta’ tbatija immaġġinabbli ta' Bin Alla — Alla l-Missier, jitlaq lil Ibnu l-għażiż, għat-tmaqdir u l-istmerrija tal-għedewwa tiegħu. Għajta ta’ wġigħ, iva, iżda mhix għajta ta’ sfiduċja f’Alla! Altru li le — għal darba darbtejn, Ġesù jsejjaħlu, Alla tiegħi! Anke fid-dlam tal-abbandun, Ġesù jibqa’ jafda f’Missieru.

Għaliex, mela, Ġesù għamel din il-mistoqsija xokkanti u semgħuh dawk li kienu madwaru, u allura, skont it-testimonjanza tagħhom, nisimgħuh aħna wkoll illum? Ċertament, għall-benefiċċju tagħna — sabiex aħna nikkonsidraw sew ir-raġuni għaliex il-Missier telaq ’l Ibnu fuq is-salib.

Għaliex, mela, telqu?
  • Forsi għax ma kienx tassew Bin Alla, kif kienu qed jinsultawh l-għedewwa tiegħu?
  • Telqu għax kien kriminal u kien ħaqqu dak il-kastig?
  • Jew għaliex, bħalma tgħallimna l-Iskrittura band’oħra, Alla tefa’ fuqu l-ħażen tagħna lkoll u kien ikkastigat għall-ħażen tagħna?
Iva, iva, għalhekk! Kemm hi sabiħa din l-iskoperta! Ġesù kien mitluq minn Alla l-Missier fuq is-salib għal mument, sabiex lilna ma jitlaqniex fl-infern għal dejjem.

Jiena wkoll messni nistaqi, Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex ilqajtni? It-tweġiba hija Ġesù! Alla laqa’ lili għaliex telaq lil Ibnu fuq is-salib! O, li ngħix u mmut bi gratitudni għal din l-imħabba inkredibbli! U jekk xi darba niddubita l-imħabba t’Alla għalija, ħalli fis niftakar, li Alla kellu din l-għażla quddiemu: li jitlaq lili, midneb, jew lil Ibnu l-għażiż! Oħroġ il-għaġeb, Alla warrab lil Ibnu, biex jilqa’ u jħaddan lili!

Popular posts from this blog

Grazzi!

L-ilma mbierek

Bilwieqfa jew bilqiegħda