Il-qalb miġugħa tistaqsi



Xewk. Tbatija. Uġigħ. Mard. Traġedji. Diżastri. Inġustizzja. Krudeltà. Mewt.

Din hi l-esperjenza iebsa tagħna. Nitħawdu u nitnikktu, u nistaqsu l-kif u l-għala, sikwit bid-dmugħ f’għajnejna u b’toqol f’qalbna.

It-tweġibiet insibuhom f’erba’ direzzjonijiet.

Inħarsu lura lejn l-oriġini ta’ kollox. Il-ħolqien kien magħmul tajjeb. L-inkwiet beda meta l-bniedem għażel li jisfida lil Alla li ħalqu. Id-dnub ġab is-saħta li llum nosservaw u nġarrbu.

Inħarsu ’l fuq lejn Alla fil-glorja. Fost l-inġustizzji, Alla jibqa’ ġust u rett. Fost il-kefrija, Alla jibqa’ ħanin u tajjeb. Fil-qtigħ il-qalb, Alla jibqa’ l-għajnuna u r-rifuġju tagħna. Fost it-taqlib u t-taħwid, is-Sovran jibqa’ fil-kontroll perfett ta’ kollox.

Inħarsu ’l isfel lejn Alla fl-umiltà tiegħu. Alla mhux maqtugħ mit-tbatija tagħna. Refa’ l-uġigħ u ġarr it-tbatijiet tagħna; kien minfud minħabba dnubietna, misħuq minħabba l-ħażen tagħna. Is-siġra tal-Eden kienet il-bidu tal-inkwiet; is-siġra tal-Kalvarju kienet il-bidu tat-tmiem tiegħu.

U finalment, inħarsu ’l quddiem fit-tama. Ftit ieħor u jirritorna s-Sultan: iwettaq il-ġustizzja, jeqred l-aħħar għadu tagħna, il-mewt, u jimsaħ kull demgħa minn għajnejna. It-tbatija tkun biss memorja kerha tal-imgħoddi. Il-hena u t-tifħir ikunu tagħna għal dejjem.

Popular posts from this blog

Bilwieqfa jew bilqiegħda

L-ilma mbierek

Kif naf li Alla jħobbni?