Alla s-Salvatur tiegħi
Marija kienet tqis lil Alla bħala s-Salvatur tagħha, kif qalet fil-Manifikat, “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.”
L-ewwel missier tagħna, Adam, dineb, u miegħu waqgħat l-umanità kollha fid-dnub. Bħal David, kollha kemm aħna nistgħu nistqarru, “Ara, jien kont imsawwar fil-ħażen; u fid-dnub ommi nisslitni” (Salmi 51:5), għax kif kiteb l-Appostlu Pawlu, “bil-ħtija ta’ wieħed waqgħet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha” (Rumani 5:18). Fit-teoloġija dan jissejjaħ ‘id-dnub tan-nisel.’
Matul l-istorja tal-knisja kien hemm dibattitu sħiħ jekk Marija wkoll kinitx mtebba’ bid-dnub oriġinali jew le. Filwaqt li ħafna Nsara għadhom jemmnu li l-bnedmin kollha, inkluż Marija, huma mnissla fid-dnub, fl-1854 il-Papa Piju IX ipproklama d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Għalkemm m’hemmx qbil dwar meta kienet mifdija, jekk kienx fil-konċepiment jew aktar tard, madankollu lkoll nemmnu, inkluż il-Kattoliċi u l-Evanġeliċi, li Marija kellha bżonn il-fidwa, bil-grazzja t’Alla, u bil-merti ta’ Kristu (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 491).
Jekk Marija kellha bżonn Salvatur biex jifdija u jeħlisha mid-dnub, kemm aktar għandna bżonn aħna! Marija turina ċar fejn insibu s-salvazzjoni ta’ ruħna. Is-Salvatur ta’ Marija huwa s-Salvatur ta’ dawk kollha li bħala jirrikorru lejn Alla għall-ħniena. Marija ma ħarsitx lejha nnifisha, lejn dak li setgħet tagħmel hi, lejn il-merti tagħha, jew lejn xi ħlejqa oħra. Marija kienet tafda biss f’Alla għas-salvazzjoni tagħha.
L-istess jeħtieġ nagħmlu aħna. Ninsew lilna nfusna. Ninsew kull ħlejqa oħra. Inħarsu ‘l fuq lejn is-sema u nafdaw ruħna f’idejn Alla. Tassew dnibna kontra tiegħu, u bir-raġun messu jkun mgħaddab għalina minħabba l-ħażen tagħna. Imma l-istess Alla bagħat lil Ibnu Ġesù, imnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ġuf verġni ta’ Marija, biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna. Għal ommu. Għal dawk li bħalha jafdaw f’Alla biex jeħlishom mid-dnub.
Imbagħad nesperjenzaw l-istess hena u ferħ li esprimiet Marija meta qalet, "L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi."