Posts

Showing posts with the label Marija

Marija, Id-Dixxiplu ta’ Kristu

Image
Fil-Manifikat, Marija qalet, “Għax, ara, minn issa ’l quddiem il-ġenerazzjonijiet kollha se jqisuni mbierka” (Luqa 1:48). Aħna wkoll, mal-Insara kollha matul iż-żminijiet, u minn qalbna, insejħu lil Marija hienja! Hemm żewġ raġunijiet ewlenin għaliex Marija hi tassew imbierka għal dejjem. Santu Wistin jgħid hekk dwarha f’waħda mill-priedki tiegħu: “Ħarsu ħuti, u aħsbu sew, nitlobkom, fuq dak li qal Kristu l-Mulej meta medd idu lejn id-dixxipli, ‘Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi’ (Mattew 12:49–50). M’għamlitx il-verġni Marija r-rieda tal-Missier? Irrid ngħid, hi emmnet bil-fidi, nisslet bil-fidi, kienet magħżula mir-razza umana biex tkun hi li minnha jitwieled is-Salvatur; hi kienet maħluqa minn Kristu qabel Kristu tnissel fiha. Iva, tassew, l-imqaddsa Marija wettqet ir-rieda tal-Missier. U għalhekk, għal Marija ifisser aktar li kienet dixxiplu ta’ Kristu milli kienet omm Kristu. Hija barka ak...

L-Aħħar Ritratt ta' Marija

Image
L-aħħar darba li niltaqgħu ma’ Marija fir-rakkont storiku tal-Iskrittura huwa fil-bidu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Minn hemm ’il quddiem, il-Bibbja ma ssemmi xejn dwar il-ħajja ta’ Marija jew it-tmiem tagħha. Fl-Atti, Luqa jpinġi dan l-inkwatru sempliċi u fl-istess ħin tant sinifikanti. “Ilkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma' xi nisa u ma' Marija, omm Ġesù, u ma' ħutu” (Atti 1:14). Jgħidilna wkoll li  kienu qed jitolbu lill-Mulej (vers 24). Ġesù kien għadu kemm tela’ lura lejn is-sema. L-appostli kienu miġburin flimkien mal-ewwel dixxipli. Marija, omm Ġesù, kienet fosthom. L-Insara kienu għalenija jitolbu waqt li jistennew l-miġja tal-Ispirtu s-Santu.  X’nitgħallmu mit-talb ta’ Marija u tal-bqija tal-knisja? L-ewwelnett ninnotaw li l-Insara għandhom aċċess liberu għand il-Missier bis-saħħa tal-mewt, il-qawmien u l-medjazzjoni ta’ Kristu. “Permezz tiegħu (ta' Kristu) aħna t-tnejn (Lhud u Ġentili) għandna dħul bi Spirtu wieħed għand il-Missier” (Efesin 2:18)....

Alla s-Salvatur tiegħi

Image
Marija kienet tqis lil Alla bħala s-Salvatur tagħha, kif qalet fil-Manifikat, “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.” L-ewwel missier tagħna, Adam, dineb, u miegħu waqgħat l-umanità kollha fid-dnub. Bħal David, kollha kemm aħna nistgħu nistqarru, “Ara, jien kont imsawwar fil-ħażen; u fid-dnub ommi nisslitni” (Salmi 51:5), għax kif kiteb l-Appostlu Pawlu, “bil-ħtija ta’ wieħed waqgħet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha” (Rumani 5:18). Fit-teoloġija dan jissejjaħ ‘id-dnub tan-nisel.’ Matul l-istorja tal-knisja kien hemm dibattitu sħiħ jekk Marija wkoll kinitx mtebba’ bid-dnub oriġinali jew le. Filwaqt li ħafna Nsara għadhom jemmnu li l-bnedmin kollha, inkluż Marija, huma mnissla fid-dnub, fl-1854 il-Papa Piju IX ipproklama d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għalkemm m’hemmx qbil dwar meta kienet mifdija, jekk kienx fil-konċepiment jew aktar tard, madankollu lkoll nemmnu, inkluż il-Kattoliċi u l-Evanġeliċi, li Marija kellha bżonn il-fidwa, bil-grazzja t’Alla, u bil-merti ta...

Id-Duluri

Image
Liema omm ma titnikkitx jekk tara lil uliedha jsofru? Kemm kien akbar id-dulur ta’ Marija taħt is-salib tara lil Ġesù jbati intortament! Marija kienet taf tajjeb li binha qatt m’għamel ebda ħażen, u kemm ġid u tjieba kien juri ma’ kulħadd. Sewwa kien ħabbar Xmun li sejf kellu jinfdilha ruħha. Issa Marija kienet qed tħoss ix-xafra tgħawwar f’qalbha. Min jaf jekk sa dakinhar Marija kenitx tapprezza li 'l hemm mill-krudiltà u l-ħruxija tal-bniedem, kien Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna? Jew, bħalma kien ħabbar il-profeta, “il-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll” (Isaija 53:6)? L-anġlu kien ħabbar lil Marija li għal saltnatu ma jkunx hemm tmiem. Is-salib ma kienx it-tmiem ta’ kollox. Is-salib kien l-mezz li bih Kristu kiseb għalih poplu, mifdi b’demmu, sabiex igawdi u jigglorifika 'l Alla għal dejjem. Is-saltna eterna ta’ Kristu hi msejsa fuq is-salib. Isem Marija jfisser imrar. Imma l-imrar kien għal mument wieħed biss. Ftit jiem wara Ġesù q...

Sejf Jinfidlek Ruħek

Image
“Sejf jinfidlek ruħek,” kien qalilha x-xwejjaħ Xmun lil Marija meta ppreżentat lil Ġesù fit-Tempju. Issa kienu għaddew ’il fuq minn tletin sena: Marija tinsab taħt is-salib b’qalbha maqsuma, tara lil binha jsofri inġustizzja, insulti, agunija u fl-aħħar, il-mewt. Marija kienet taf li Ġesù kien bla ħtija. Kienet taf li hu l-Iben t’Alla, kif kien ħabbrilha l-anġlu. Hi kienet semgħet lil Xmun jfaħħar ’l Alla għat-tarbija tagħha, “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.” Marija kienet taf li Ġesù hu s-Salvatur tad-dinja. Imma kif jista’ jkun is-Salvatur ladarba issa miet? Ejja ngħidu, l-ewwelnett, li Ġesù mhux il-vittma taċ-ċirkostanzi. Hu seta’, jekk ried, jeħles mill-għedewwa, imma minflok għażel li jerħi ruħu f’idejhom. Ma kellux għalfejn ibati, wisq anqas imut, imma Ġesù għażel li jħaddan is-salib! Għax għalhekk ġie fid-dinja. Din kienet ir-rieda tal-Missier. ‘Jien ġejt,’ qal hu, ‘biex nagħti ħajti b’fidwa għal ħafna.’ Hu, il-Ġust, tgħabba bid-dnubiet ta’ ħaddieħor, u ħa l-kastig min...

Min hu l-Avukat Tiegħek?

Image
Kitibli ħabib tiegħi u qalli li hi ħaġa sabiħa titlob l-interċessjoni tal-Madonna. M’hemm xejn ħażin, kompla jgħidli, għax bħal ma ngħidu fis-Salve Reġina, aħna lill-Madonna nsejħulha ‘Avukata tagħna,’ u allura hi tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna quddiem il-Missier. Nixtieq naqsam magħkom it-tweġiba tiegħi għax dan huwa suġġett li għandu jinteressa lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom it-tagħlim Nisrani. Jien ktibt hekk ... Il-kumment tiegħek ġegħlni naħseb. Naqbel miegħek li jekk Marija hi ‘l-Avukata tagħna l-midinbin,’ allura jkun sewwa nitolbu l-interċessjoni tagħha quddiem il-Missier. Fl-istess ħin tajjeb nistaqsu x’tgħallem l-Iskrittura fuq hekk. Jiġini f’moħħi dak li qal l-Appostlu Ġwanni: “Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Ġwanni 2:1-2). Ġesù huwa d-Difensu...

Ġesù Biss il-Medjatur

Image
Id-dnub jifridna minn Alla. Neħtieġu medjatur, wieħed li jneħħilna kull ħtija u jirrikonċiljana m’Alla. Għandna bżonn lil xi ħadd li jaqbad idejna u idejn Alla, u jpoġġihom flimkien. Nizzuħajr 'l Alla li provdielna medjatur bħal dan, kif jgħallimna fl-Iskrittura Mqaddsa: “Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta' dan ngħatat f'waqtha” (1 Timotju 2:5-6). Daqskemm nemmnu f’Alla wieħed, daqshekk ieħor nemmnu li hemm medjatur wieħed. Mhux tnejn, tlieta jew aktar. “Wieħed hu l-medjatur,” tiddikjara l-Iskrittura. Pont wieħed hemm li jgħaqqad l-art mas-sema, u jħabbeb il-midneb mal-Ħallieq. Dan il-medjatur uniku huwa l-Bniedem Kristu Ġesù. Ġesù biss jikkwalifika għal dan il-ministeru, għal diversi raġunijiet: Ġesù huwa bniedem , u għalhekk jista’ jkun ir-rapreżentat tagħna l-bnedmin quddiem Alla. Għalhekk ‘Verbum Dei caro factum est’ – l-Iben etern t'Alla, l...

Nitlob ‘l Alla Biss

Image
Jien nitlob 'l Alla biss. M'għadnix nitlob lil Marija u l-qaddisin fis-sema. Nixtieq naqsam miegħek ir-raġunijiet li wassluni għal din id-deċiżjoni. Fl-Iskrittura Mqaddsa nsibu għexieren ta' talbiet (is-salmi u ħafna oħrajn). L-Ispirtu s-Santu tahomlna sabiex ikunu mudell u ġwida għalina. Ilkoll kemm huma indirizzati 'l Alla; lanqas talba waħda m’hemm indirizzata lill-qaddisin fis-sema. Meta Marija kienet hawn fid-dinja, hi kienet titlob ’l Alla. Pietru, Ġakbu, Ġwanni u l-bqija tal-appostli kienu miġburin ma’ Marija u dixxipli oħra biex jitolbu. Huma talbu lill-Mulej (Atti 1:14, 24). Tajjeb nikkoppjaw l-eżempju ta' Marija u nitolbu ’l Alla bħalha. L-Iskrittura tgħallimna kif nesprimu x-xirka tal-qaddisin. Tgħidilna biex nitolbu għall- qaddisin (Efesin 6:18), jiġifieri biex nitolbu għal xulxin (fit-Testment il-Ġdid l-Insara kollha jissejħu 'qaddisin). L-Iskrittura ma tgħidilniex biex nindirizzaw talbna lill- qaddisin fis-sema. Alla jisma’ t-talb tal-poplu tiegħu...

Il-Kunċizzjoni

Image
Fit-8 ta’ Diċembru l-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. L-Insara Ortodossi u Protestanti ma josservawhiex, l-aktar għax il-Bibbja ma ssemmi xejn li Marija kienet imnissla mingħajr dnub. Madankollu dawk kollha li jemmnu l-Bibbja ma jistgħux jinsew lil Marija. Kien permezz tagħha, l-omm verġni, li Alla bagħat ’l Ibnu fid-dinja. Alla għamel ħwejjeġ kbar max-xebba ta’ Nażaret, u għal dejjem ulied Alla isejħulha hienja. Nistgħu nitgħallmu ħafna minnha. Marija għarfet lil Alla bħala s-Salvatur tagħha meta qalet, ‘L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi .’ Aħna jeħtieġ nagħmlu bħala. Irridu nduru lejn il-Mulej, nammettu ħtijietna u nafdaw ruħna f’idejh, għax l-Iskrittura tistedinna, ‘Alla hekk ħabb id-dinja li ta ’l Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem.’ M’hemm ebda Salvatur ħliefu. L-appostlu Pietru qal ċar u tond li ‘f’ħadd ħliefu m’hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema m’hemm isem ieħor ...

Marija turi l-ħniena t’Alla

Image
Għalfejn xi wħud jippreferu jitolbu lil Marija u l-qaddisin fis-sema aktarx milli jitolbu ‘l Alla? Forsi għax jaħsbu li Alla huwa mbiegħed, aħrax jew imqit? Marija stess tfarrak biċċiet din l-immaġni grotteska u idolatruża t’Alla. Hi tassigurana li “l-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Luqa 1:50). Alla hu ħanin. Alla hu ħanin f’kull żmien, anki fi żmienna. Il-ħniena tiegħu tilħaq lilna wkoll. Marija twissi li Alla jxerred lill-kburin f’qalbhom filwaqt li jgħolli liċ-ċkejkin, lil dawk li jibżgħu minnu. Dawn jafu li ma jistħoqqilhom xejn għajr l-għadab u l-kastig tiegħu. Jibżgħu minn Alla għax jagħrfu kemm hu kbir, qaddis, ġust u majestuż. Għalhekk jiġu għandu b’umiltà, rispett u qima. Fl-istess waqt huma jemmnu li Alla huwa twajjeb u għalhekk jagħmlu kuraġġ u jersqu lejh. Il-kunfidenza tagħhom hi msejjsa fuq l- konvinzjoni sħiħa li Alla huwa ħanin. Alla qatt ma warrab imqar bniedem wieħed li talbu ħniena. Marija tixhed għat-tjieba u l-ħlewwa t’...

Hawn Jien Mulej

Image
Fost l-inċertezzi u t-taħbit tal-ħajja, il-kelma t’Alla hija l-blata soda li fuqha nistgħu nibnu l-futur tagħna. Imma kif messna nwieġbu għall-kelma tal-Mulej? Marija hija l-mudell eċċellenti għalina. Meta semgħet l-aħbar minn Alla, Marija wieġbet lill-anġlu, ‘Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!’ (Luqa 1:38). Marija emmnet u ssottomettiet ruħha għall-kmand u l-wegħda t’Alla. ‘Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej,’ qaltlu. Fi kliem ieħor, jien nagħraf l-awtorità tiegħek fuqi, kif ukoll id-dmir tiegħi li nobdik. Jiena lesta nagħmel kulma tgħidli. Ir-rieda tiegħek hi x-xewqa ta’ qalbi. Marija ma oġġezzjonatx minħabba l-periklu li tħarbat iż-żwieġ tagħha jew li tirrovina r-reputazzjoni tagħha man-nies. Kienet żgura li l-pjanijiet t’Alla kienu tajbin skont it-tjieba u l-għerf tiegħu. Mhux biss. Marija kienet konvinta li Alla jista’ jwettaq dak li jwiegħed. Għalkemm ma fehmitx kif setgħet tnissel tarbija mingħajr ma tagħraf raġel, għaliha kien biżżejjed tafda fil-qawwa...

Ras is-serp misħuqa

Image
Ix-xbieha tal-mara b’ras is-serp misħuqa taħt riġlejjha hi mnebbħa minn vers fil-ktieb tal-Ġenesi kif jidher fil-Vugata, it-traduzzjoni Latina tal-Iskrittura. Fil-verżjoni Maltija naqraw hekk: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu” (Ġenesi 3:15, Għaqda Biblika Maltija). Ninnotaw li skont din it-traduzzjoni, mhux il-mara imma hu, jiġifieri n-nisel tal-mara, kellu jisħaq ras is-serp. Dan jaqbel ma’ verżjonijiet oħra, u aktar importanti, mat-test Lhudi tal-Iskrittura. Anke l-edizzjoni tal-Vulgata kif tidher fit-sit elettroniku tal-Vatikan tirrevedi l-verżjoni antika u tgħid li nisel il-mara jirfes ras is-serp. Dan il-passaġġ hu magħruf bħala l-proto-evanġelju, l-ewwel tħabbira tal-Bxara t-Tajba. Il-ġwerra Is-serp qarraq b’Eva, u l-ewwel ġenituri tagħna waqgħu fid-dnub. Forsi x-xitan ħaseb li b’hekk kien ħassar il-ħolqien sabiħ t’Alla darba għal dejjem, u li kien issiġġilla t-telfien tal-umanità ko...

Il-Bieb tas-Sema

Image
Meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, kull filgħaxija konna ninġabru bħala familja biex ngħidu r-rużarju. Wara l-ħames posti, konna ngħidu s-Salve Reġina, xi talb ieħor u fl-aħħar nispiċċaw bil-litanija. Ġieli konna ngħiduha bil-Latin, u daqqiet oħra bil-Malti - sakemm xi ħadd minna t-tfal ma kienx jibda jongħos! Il-litanija għandha storja twila tmur lura ħafna sekli. Tikkonsisti f’lista twila ta’ invokazzjonijiet lil Marija taħt titli differenti, u wara kull waħda konna nwieġbu, ‘Ora pro nobis’ – ‘Itlob għalina.’ Xi wħud mit-titli Marjani jinkludu dawn li ġejjin: Bieb tas-sema Kewkba ta’ filgħodu Saħħa tal-morda Kenn tal-midinbin Faraġ għall-imnikktin Għajnuna tal-Insara Kemm hi viżjoni eżaltata ta’ Marija! Mhux ta’ b’xejn li kont inħares lejha għall-ħtiġijiet fiżiċi u spiritwali tiegħi, kif jagħmlu miljuni ta’ Kattoliċi mad-dinja kollha. Ladarba hi l-bieb, kont nittama li wara l-mewt nidħol il-Ġenna permezz tagħha. Kif jgħid San Luigi de Montfort, li ‘permezz tagħha Ġe...

Sliem Għalik Mimlija bil-Grazzja

Image
Il-grazzja hija t-tema li tiddomina l-messaġġ evanġeliku. Alla jbierek il-bnedmin, mhux għax jistħoqqilhom, imma għax hu twajjeb, ħanin u ġeneruż. Tfixklet mhux ftit Marija meta l-anġlu sellmilha bil-kliem, "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek" (Luqa 1:28). Għaliex kienet mimlija bil-grazzja? X’kien il-favur speċjali li Alla wera magħha? Gabrijel malajr spjegalha li hi kienet sabet grazzja quddiem Alla għax kellha tiled tifel, li huwa l-Iben t’Alla, il-Messija. L-istess kelma tradotta “mimlija bil-grazzja” tidher darba oħra biss fit-Testment il-Ġdid. Fl-epistola lill-Efesin l-Appostlu Pawlu jelenka l-barkiet kotrana li l-Insara jgawdu minn Alla fosthom l-addozzjoni bħala wlied Alla, il-fidwa u l-maħfra tad-dnubiet. U dan kollu “għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha (bil-grazzja) mliena fil-Maħbub tiegħu” (Efesin 1:6). L-Insara huma mimlija bil-grazzja! Għaldaqstant huma ma jedhewx jfaħħruh għall-grazzji tiegħu li fawwar fuqhom b’tant ġene...

Issebbaħ Ruħi l-Mulej

Image
Meta l-mara, li rċeviet l-unur waħdieni li tkun omm il-Messija, fetħet fommha, ma nstemgħetx tiftaħar biha nfisha. Marija nfexxet f’għanja ta’ glorja lil Alla, “Issebbaħ ruħi l-Mulej!” (Luqa 1:46-49). Marija kienet meraviljata kif Alla ħares lejn “iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.” Mal-privileġġ kbir li taha, Alla żejjinha wkoll b’umiltà biex tibqa’ tara ċar. Hi żgħira, hu kbir; hi l-qaddejja, huwa s-Sid! Marija riedet biss tfaħħar l-isem qaddis t’Alla għall-ħwejjeġ kbar li għamel magħha. Dan ma jfissirx li ma nistgħux nammiraw u nifirħu bil-virtujiet sħieħ ta’ Marija, speċjalment l-umiltà, il-fidi u l-ubbidjenza tagħha għas-sejħa tal-Mulej. B’daqshekk ma nkunu nnaqqsu xejn mill-glorja t’Alla. Jekk inħares lejn biċċa xogħol tal-arti u ngħid, “Kemm hi sabiħa,” inkun qed nonqos mill-ġieħ lill-artist? Le, anzi nkun qed nonorah. Bl-istess mod Marija hi l-kapolavur t’Alla u għaldaqstant meta nsejħulha mbierka, aħna nkunu nigglorifikaw ’l Alla li sawwarha. Is-sbuħija ta’ Marija tibbrilla f...