Il-Bieb tas-Sema


Meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, kull filgħaxija konna ninġabru bħala familja biex ngħidu r-rużarju. Wara l-ħames posti, konna ngħidu s-Salve Reġina, xi talb ieħor u fl-aħħar nispiċċaw bil-litanija. Ġieli konna ngħiduha bil-Latin, u daqqiet oħra bil-Malti - sakemm xi ħadd minna t-tfal ma kienx jibda jongħos!

Il-litanija għandha storja twila tmur lura ħafna sekli. Tikkonsisti f’lista twila ta’ invokazzjonijiet lil Marija taħt titli differenti, u wara kull waħda konna nwieġbu, ‘Ora pro nobis’ – ‘Itlob għalina.’ Xi wħud mit-titli Marjani jinkludu dawn li ġejjin:

  • Bieb tas-sema
  • Kewkba ta’ filgħodu
  • Saħħa tal-morda
  • Kenn tal-midinbin
  • Faraġ għall-imnikktin
  • Għajnuna tal-Insara

Kemm hi viżjoni eżaltata ta’ Marija! Mhux ta’ b’xejn li kont inħares lejha għall-ħtiġijiet fiżiċi u spiritwali tiegħi, kif jagħmlu miljuni ta’ Kattoliċi mad-dinja kollha. Ladarba hi l-bieb, kont nittama li wara l-mewt nidħol il-Ġenna permezz tagħha. Kif jgħid San Luigi de Montfort, li ‘permezz tagħha Ġesù ġie għandna, u permezz tagħha aħna immorru għandu.’

X’tgħid l-Iskrittura fuq dan kollu? Huma dawn titli ta’ Marija jew ta’ xi ħadd ieħor? Ejja naraw flimkien x’tgħallem il-Kelma t’Alla.

  • Bieb tas-sema: Ġesù qal, “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva” (Ġwanni 10:9).
  • Kewkba ta’ filgħodu: Ġesù qal, “Jiena r-Rimja tal-familja ta' David, il-Kewkba tiddi ta' filgħodu." (Apok 22:15).
  • Saħħa tal-morda: “Jien il-Mulej li nfejjqek” (Eżodu 15:26).
  • Kenn tal-midinbin: “Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni” (Salmi 62:7).
  • Faraġ għall-imnikktin: “Mulej ... meta joktor l-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek ihennili ruħi” (Salmi 94:19)
  • Għajnuna tal-Insara: “Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi: iddumx ma tgħinni, Mulej!” (Salmi 70:6).

Il-Kelma t’Alla tippreżenta lill-Mulej Ġesù bħala l-bieb, il-kewkba ta’ filgħodu, dak li jfejjaqna, il-kenn, il-faraġ u l-għajnuna tagħna. Marija daħlet fil-glorja tas-sema permezz tiegħu. Aħna jeħtieġ nagħmlu bħalha. M’hemm ebda mezz ieħor biex nidħlu l-Ġenna.