Id-Duluri


Liema omm ma titnikkitx jekk tara lil uliedha jsofru? Kemm kien akbar id-dulur ta’ Marija taħt is-salib tara lil Ġesù jbati intortament!

Marija kienet taf tajjeb li binha qatt m’għamel ebda ħażen, u kemm ġid u tjieba kien juri ma’ kulħadd. Sewwa kien ħabbar Xmun li sejf kellu jinfdilha ruħha. Issa Marija kienet qed tħoss ix-xafra tgħawwar f’qalbha.

Min jaf jekk sa dakinhar Marija kenitx tapprezza li 'l hemm mill-krudiltà u l-ħruxija tal-bniedem, kien Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna? Jew, bħalma kien ħabbar il-profeta, “il-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll” (Isaija 53:6)?

L-anġlu kien ħabbar lil Marija li għal saltnatu ma jkunx hemm tmiem. Is-salib ma kienx it-tmiem ta’ kollox. Is-salib kien l-mezz li bih Kristu kiseb għalih poplu, mifdi b’demmu, sabiex igawdi u jigglorifika 'l Alla għal dejjem. Is-saltna eterna ta’ Kristu hi msejsa fuq is-salib.

Isem Marija jfisser imrar. Imma l-imrar kien għal mument wieħed biss. Ftit jiem wara Ġesù qam mill-mewt, u mal-qawmien Ġesù ġab il-maħfra, tama, ferħ u ħajja eterna lil Marija u lill-poplu tiegħu kollu.

Jekk Marija, li kellha l-unur uniku li tkun omm il-Messija, ma kinitx eżenti mid-dulur u l-imrar matul ħajjitha, ma nistgħux nippretendu li kollox jiġina ward u żahar f’din id-dinja. Jekk nissejħu b’isem Kristu, se nbatu miegħu. Imma l-imrar tagħna għad jinbidel fi ħlewwa, ferħ u gratitudni eterna għas-Salvatur tagħna, il-Mulej Ġesù Kristu.