Sejf Jinfidlek Ruħek



“Sejf jinfidlek ruħek,” kien qalilha x-xwejjaħ Xmun lil Marija meta ppreżentat lil Ġesù fit-Tempju. Issa kienu għaddew ’il fuq minn tletin sena: Marija tinsab taħt is-salib b’qalbha maqsuma, tara lil binha jsofri inġustizzja, insulti, agunija u fl-aħħar, il-mewt.

Marija kienet taf li Ġesù kien bla ħtija. Kienet taf li hu l-Iben t’Alla, kif kien ħabbrilha l-anġlu. Hi kienet semgħet lil Xmun jfaħħar ’l Alla għat-tarbija tagħha, “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.” Marija kienet taf li Ġesù hu s-Salvatur tad-dinja.

Imma kif jista’ jkun is-Salvatur ladarba issa miet?

Ejja ngħidu, l-ewwelnett, li Ġesù mhux il-vittma taċ-ċirkostanzi. Hu seta’, jekk ried, jeħles mill-għedewwa, imma minflok għażel li jerħi ruħu f’idejhom. Ma kellux għalfejn ibati, wisq anqas imut, imma Ġesù għażel li jħaddan is-salib!

Għax għalhekk ġie fid-dinja. Din kienet ir-rieda tal-Missier. ‘Jien ġejt,’ qal hu, ‘biex nagħti ħajti b’fidwa għal ħafna.’ Hu, il-Ġust, tgħabba bid-dnubiet ta’ ħaddieħor, u ħa l-kastig minflokhom. Hu ħallas għall-ħelsien u l-maħfra tagħhom b’demmu, jiġifieri b’ħajtu stess.

Il-mewt ta’ Ġesù mhux talli ma ġabitx fix-xejn il-missjoni tiegħu; għall-kuntrarju mewtu tikkwalifikah biex ikun is-Salvatur waħdieni għall-umanità.

Isem Marija jfisser “imrar” imma d-dulur tagħha kien għal ftit biss. Illum Marija hi hienja, u hekk tridna niftakruha. “Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja.” Hienja għax b’demmu Ġesù kisbilha l-fidwa. Hienja wkoll inkunu int u jien jekk nafdaw is-salvazzjoni tagħna fl-idejn ħanina tal-Mulej Ġesù Kristu.